30.6.13

Forom differenti ta’ Politika.



1.                  Il-partit fl-Oppożizzon,i jitlef b’liema maġġoranza jitlef, jibqa’ wieħed li għandu dmir impost mill-Kostituzzjoni u d-demokrazija li jifli u jikkritika lill-Gvern.  Min jaħseb li għax dak preżenti għandu disa’ siġġijiet fuqna jfissser li aħna ser noqogħdu lura qed jiżbalja.  Il-ħidma tagħna hija ċara u kostanti u rridu nsiru, jum wara jum, Oppożizzjoni soda.  Waħda li tħares lejn ir-realtà tal-ġurnata u taqta’ lilha nfisha mill-passat.  Ma nistgħux, f’xi mument, ngħixu f’xi forma ta’ dinja għalina imma rridu dejjem iktar immissu ma’ dak li għaddej minnu l-poplu li nirrappreżentaw.  Anqas ma nistgħu noqogħdu nippruvaw nagħmluha tal-bravi u nċanfru lil dawk li ma vvutawlniex fl-aħħar elezzjoni.

2.                  Il-poplu, fid-9 ta’ Marzu għażel u ħadd ma jista’ jieħu l-arloġġ lura biex ibiddel il-vot.  Wieħed jista’ biss iħares ‘il quddiem.  Aħna fl-Oppożizzjoni, u l-Gvern għandu maġġoranza qawwija ta’ voti li mhux ser titlaq f’daqqa.  Għandna triq twila u iebsa biex niġu lura bħala partit li fih il-pajjiż jista’ jagħtina kredibilità u, l-iktar importanti, li jagħraf fina differenza politika ta’ sustanza.  B’dak li għaddej u b’dak kollu li qiegħed fil-ħin jinkixef biċċa biċċa f’dak li diġà sar f’dawn l-aħħar erbgħa xhur, hemm attakk kbir lejn il-kredibilità tal-politiċi tal-lum.  Fl-elezzjoniiet ġenerali li ġejjin, wara dak kollu li wiegħed il-Partit Laburista mill-Oppożizzjoni u dak kollu li issa qiegħed iwettaq il-kontra, irridu nikkonvinċu lill-elettorat: l-ewwel, li aħna verament differenti; u t-tieni, li aħna kredibbli.

3.                  Il-miri tagħna huma, f’għajnejja, ċari ħafna.  Proprju għalhekk li aħna m’aħniex ser noqogħdu lura milli nistaqsu, ngħarblu u nikkritikaw l-ewwel, però fl-istess ħin inkunu kapaċi noħorġu bi proposti ġodda.  Il-problemi li ser niffaċċjaw minn hawn u ftit xhur oħra ser jitolbu preżenza aqwa tagħna biex nidentifikaw dak li m’għandux isir la mill-politika sħiħa tal-Gvern u anqas mill-ħidma diretta tal-ministri konċernati.  Hemm min qiegħed iħoss li forsi għandna noqogħdu lura minn xi kritika, biss dan l-aġir huwa minnu nnifsu kontro-produċenti.  Kull ġurnata mill-bank tal-Oppożizzjoni trid tiġi użata tajjeb, b’għaqal, intelliġenza u moderazzjoni.  Ma hemmx bżonn esaġerazzjonijiet da parti tagħna żgur, imma rridu nirrimarkaw il-punt.

4.                  Il-kritika trid issir u twassal ċar il-messaġġi politiċi tagħna.  Aħna għandna d-diffikultà li rridu nimxu ‘l-quddiem u noħorġu mill-fosdqa li konna fiha fil-gvern, però huma jridu jifhmu li qegħdin issa bil-piż tar-responsabbiltà fuqhom.  Dak li qabel setgħu jwettqu u ħadd ma jgħid xejn, illum minflok qiegħed taħt skrutinju pubbliku.  Hemm diversi gazzetti li qegħdin, huma wkoll, f’dan il-proċess.  Uħud għadhom ma fehmux li sehem il-partit inbidel u oħra li qegħdin fit-triq it-tajba.  Dan huwa proċess twil u, f’ħafna sens, normali.  Il-bidla ssir kontinwament fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra.  Aħna però nibqgħu ffukati sabiex nassiguraw li, anke jekk ħaddieħor jinjora jew jaqbiżlu dak li qed isir, nitkellmu.

5.                  M’huwiex aċċettabbli żgur li ministru fil-Gvern jiġi fil-Parlament, kif kellna nhar il-Ħamis fl-aġġornament, u jgħidilna li ma nistgħux nikkritikawhom għax għaddejna minn telfa elettorali qawwija.  Huwa ċar li diversi għadhom ma fehmux li għandhom dmir kostituzzjonali li jwettqu dmirhom tajjeb u skrupolożament skont il-liġijiet tal-pajjiż.  Jekk imorru lura minnu, kellhom x’kellhom intenzjonijiet, żbaljaw.  Kien ċar li l-Onor. Jason Azzopardi wettaq dmiru sew u ressaq kritika li hija f’postha u ġusta.  La żied u lanqas naqqas.  Mar direttament għall-punt b’kawtela u attenzjoni.  Wieħed kien jistenna reazzjoni mill-Gvern li tirrispetta l-impenn tal-Oppożizzoni.  Aħna ngħinu lil min imexxi billi niftħulu għajnejh u nżommuh milli jidħol għall-ħmerijiet li permezz tagħom il-pajjiż jaqa’ għaċ-ċajt.

6.                  Il-Korp tal-Pulizija, tul dawn l-aħħar ġimgħat, laqqat daqqiet ta’ ħarta li naqqsulu sew minn dak li kellu.  Ir-reputazzjoni tajba, is-serjetà u d-dinjità tal-membri bdiet sejra lura waħda u sew.  Bħal ma anki l-kundizzjonijiet tax-xogħol bix-xiftijiet il-ġodda tagħhom marru lura.  Proprju f’dawn il-jiem, diversi fehmu li l-ħin tal-mistrieħ tagħhom naqas drastikament u, l-agħar, li issa tilfu għal kollox iċ-ċertezza tal-ġranet tal-leave.  Li huwa żgur hu li qatt, taħt iż-żmien li fih kont Ministru tal-Intern, ma kien hemm xi ġurnata li l-Korp għamilha ta’ outside caterer.  Il-Korp tal-Pulizija jixraqlu aqwa minn dak li għaddej minnu.  Fi ftit xhur qed naraw proċess li bih il-Korp beda jitnaqqas.  Hemm, iva, forom differenti ta’ politika tagħhom u tagħna li, jum wara jum, qed tidher f’għajnejn dawk li jridu jaraw.



CARMELO MIFSUD BONNICI

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...