2.6.13

Distretti u aħna tal-parti t’isfel



1.             Fi żmien ieħor, is-sistema elettorali kellha ferm inqas garanziji milli għandha llum.  Dawk li, bħali, għaddew mill-kumplikazzjonijiet anti-demokratiċi li r-riżultat elettorali tal-1981 ipproduċa għandhom konforti differenti.  L-iżball f’dik l-elezzjoni twieled, l-ewwel, mit-tqassim partiġġjan u ħażin tad-distretti elettorali, u wara, mir-reazzjoni politika ta’ partit li m’għarafx jiddistakka ruħu mill-użu anti-demokratiku tal-poter.  Kull partit elett jista’ jdum biex jifhem, imma jrid iżomm f’moħħu li l-poter huwa wieħed bażat fuq id-demokrazija, u hekk irid jitħaddem.  Is-sistema demokratika mhix skuża biex tuża l-poter b’toroq u metodi dittatorjali.

2.             L-emendi kostituzzjonali li salvaw is-sitwazzjoni u d-demokrazija f’pajjiżna fl-1987 iggarantew li min għandu l-maġġoranza assoluta tal-voti jrid ikollu wkoll maġġoranza parlamentari.  Dak kien pass determinanti li fuqu l-pajjiż mexa fl-istabilità soċjo-ekonomika li maġġoranza parlamentari b’saħħitha kapaċi tagħti.  Minn hemm imxejna ferm iktar ‘il quddiem u saru diversi emendi mmirati li riżultati elettorali jipproduċi Gvern stabbli.  Sistema li pproduċiet ir-riżultat elettorali tal-2008 fejn il-Partit Nazzjonalista, b’maġġoranza elettorali relattiva, kellu waħda parlamentari.  Maġġoranza mnaqqsa minn ħamsa għal żewġ leġislaturi nżilna għal wieħed.  Bidla li rridu nammettu li ma rreġistratx f’moħħ kull membru parlamentari.  Kien hemm min għadu jaħseb li kellna saħħa numerika passata li, fil-fatt, ma kellniex.

3.             Is-sistema elettorali tagħna għandha fejn tiġi ameljorata, però l-bażi fundamentali tagħha tibqa’ d-distribuzzjoni tajba tal-pajjiż f’distretti elettorali bilanċjati.  Il-Kummissjoni Elettorali għandha l-konfort tas-sistema li, kif għidna, diġà nbniet, biss jibqa’ fuqha piż xejn faċli.  Ma tistax tmur lura milli tħares li, kemm jista’ jkun, il-bilanċ elettorali jiġi interpretat tajjeb f’dak distrettwali.  Din l-Elezzjoni Ġenerali tat maġġoranza qawwija f’termini ta’ voti lill-Partit Laburista, biss għad-differenza ta’ snin oħra, dan ir-riżultat ta maġġoranza ferm ikbar fis-siġġijiet parlamentari minn dak elettorali.  Kien ultra ġeneruż, u dan jimmerita attenzjoni partikolari.

4.            Fi tnejn u tletin sena, id-distretti elettorali qalbu l-affarijiet.  Minn waħda li tipprotei l-minoranza ġiet waħda favur il-maġġoranza.  Il-bilanċ delikat li hemm bżonn li jinżamm bejn voti u siġġijiet intilef.  Id-distribuzzjoni tad-distretti elettorali sar b’mod li l-istess Kummissjoni kellha tinduna bl-effetti li tali tibdil kien ser jipproduċi.  Diversi bħali fehmu li kien diġà evidente mil-bidu li kien ser ikun hemm dan l-iżbilanċ fir-riżultat.  Il-mod ta’ kif id-distretti elettorali jitqassmu jrid isir b’attenzjoni ferm akbar.  Il-Kummissjoni ma tridx tħares biss lejn in-numru tal0-voti, imma lejn l-effetti ta’ dak li parti u ieħor jippreżentalha.

5.             Fil-ġimgħa li għaddiet bdiet il-ħidma fil-kummissjoni li partit għamel sabiex iħares lejn il-parti t’isfel ta’ pajjiżna li ilni nirrappreżenta, flimkien ma’ oħrajn, għal dawn l-aħħar tlett leġislaturi.  Hawn x’tagħmel għax tajna messaġġi differenti, u ċerti mumenti kontra sens, imma l-qalb tagħna hemm qegħda.  Dan huwa għalhekk pass tajjeb u li juri li l-partit jagħti l-importanza li hemm bżonn f’distretti fejn, mit-tmien deputati li kellna fl-aħħar legislatura, inżilna għal ħamsa.  Biss, irid jiġi ċċarat li, fuq dawn id-distretti l-Partit Nazzjonalista spiċċa fl-aħħar għadd tiegħu bi 12,787 vot.  Jien, biss biss waħdi, bqajt b’6,777 vot fuq żewġ distretti.  Naħseb li dan waħdu għandu jindika li hemm żbilanċ li bih ma ħarġitx stampa ċara tal-vuċi tal-elettorat fil-konfront tas-siġġijiet.

6.             Dan huwa iktar evidenti għax jekk wieħed jieħu l-ogħla kwota – dik li ħarġet fil-Ħames Distrett ta’ 4,035 vot, b’dawn il-voti l-partit kien jeleġġi tlett deputati oħra.  Dan kien ifisser li, flok ħamsa, konna ntellgħu sebgħa, u allura t-tnaqqis effettiv kien ikun ta’ siġġu wieħed biss.  Għalhekk ma konniex nidhru li qisu fit-Tieni, t-Tielet, ir-Raba’ u l-Ħames Distrett kellna xi abbandun ikbar mill-postijiet l-oħra f’pajjiżna.  Iċ-ċaqliq kien uniformi, imma meta tikkunsidra dak li għaddejna minnu, wieħed jara li l-votant u l-kandidati lejali lejn il-partit ħadmu u kkumbattew b’determinazzjoni kbira kontra kurrent li kien iktar faċli fejn il-Partit Laburista għandu xita ta’ voti.  Għal dak li sar m’hemmx kunsill.  Nistgħu biss inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu nistinkaw għas-sewwa.  Ħidma li biha d-distretti elettorali għandhom jitqassmu aħjar sabiex il-bilanċ bejn il-voti u s-siġġijiet jiġi rispettat, b’mod partikolari għalina fil-parti t’isfel ta’ pajjiżna, fejn kont u għadni naħdem.




No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...