19.5.13

Nassiguraw il-bidla.




1.             Il-Partit Nazzjonalista qabad it-triq it-twila tiegħu sabiex jerġa’ jibni lilu nnifsu mill-ġdid.  F’dan il-mument ikun żball jekk ma nħarsux lejn dak li huwa immedjat u nintilfu f’illużjonijiet bla sens għall-futur.  Il-partit irid jieħu ħsieb li jibni lilu nnifsu bħala wieħed li kapaċi jaħdem u jservi tajjeb ħafna mill-Oppożizzjoni.  Illum ma nafux x’ser ikun il-ġudizzju tal-poplu fuq ħidmet il-gvern Laburista fl-appuntamenti elettorali li ġejjin.  Nafu biss li aħna rridu nassiguraw bidla interna.  Nafu li hemm maġġoranza qawwija kontra tagħna fuq naħa, bħal ma nafu li hemm ħafna ħidma fl-organizzazzjoni u komunikazzjoni li jridu jsiru fuq in-naħa l-oħra.

2.             Essenzjali għalina għandha tkun l-għodda determinanti tad-djalogu.  Għandna nibdew niddiskutu fil-miftuħ bejnietna.  Li nħarsu li nassiguraw iktar verità u onestà politika.  Hemm bżonn ta’ numru ta’ kunsilli ġenerali fejn nidħlu fi proċess ta’ awtokritika u ta’ analiżi ta’ dak li aħna.  Ħafna drabi, tul dawn is-snin, sibna ruħna kondizzjonati f’sitwazzjonijiet strambi.  Diversi kienu jixtiequ jitkellmu iżda baqgħu lura, oħrajn riedu jgħidu dak li effettivament ma qalux.  Kien hemm ukoll mumenti meta diversi kienu jħossu li hemm wisq attenzjoni għat-tikketti milli għas-sustanza ta’ dak li kien qiegħed jingħad.

3.             F’dan il-mument, speċjalment f’dawn l-ewwel xhur, huwa għalija determinanti li l-kunsilliera jintervjenu kemm iridu u kif iridu.  Ħafna għandhom is-sens, u ċert li jitkellmu b’direzzjoni.  M’għandux ikun hemm biża’ ta’ strumentalizzazzjoni tal-ftit.  U jekk huwa neċessarju, għandna nagħmlu sessjonijiet magħluqa għall-medja.  Biss, hemm verament il-bżonn li dan il-proċess isir fejn nifhmu aħjar fuq min nistgħu norbtu, u sa fejn, għall-ħidma li ġejja għalina lkoll.  Fejn nistgħu, niffurmaw u neżerċitaw il-politika ta’ vera u mhux dik tal-apparenzi.  Il-kunsilliera tal-partit huma l-persuni li għandhom għal qalbhom dak li aħna u dak li nemmnu fih.  Ċerti li, b’din il-linja, għandna x’nirbħu.

4.             Il-bibien fiżiċi tal-istamperija jistgħu jkunu miftuħa beraħ lejl u nhar, biss l-iktar determinanti għandu jkun dak tal-ħsieb.  Dak il-proċess li jwassalna naħdmu għall-ġid tas-soċjetà billi ngħarfu aħjar dak li hija biex nirrappreżentawha u mmexxuha fid-direzzjoni t-tajba.  Jekk aħna kapaċi niddiskutu internament, daqshekk ieħor kapaċi nagħmlu dan esternament.  Id-djalogu mas-soċjetà jfisser rilevanza aqwa fil-ħidma tagħna fl-Oppożizzjoni.  Tħaddim tal-politika ta’ vera.  Tfisser preparazzjoni u għarbiel aqwa ta’ dak li sar.  Irridu naqbdu settur settur u nerġgħu nistiedu ‘l-protagonisti li fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena mexxew il-politika tal-partit biex niġbru aħjar l-informazzjoni.  Tant saret ħidma li tajjeb li ngħarfuha u ma nagħmlux żball li nwarrbuha.

5.             Il-partit kien għamel perjodu twil fl-Oppożizzjoni u pprepara ruħu tajjeb iktar għax għażel li jkun wieħed demokristjan u mhux sempliċi alternattiva vojta.  Is-sustanza politika tagħna sarrfitna f’dak li rnexxielna nwasslu f’ġid.  Il-ġustizzja soċjali, it-twaqqif tad-demokrazija ta’ valuri u mhux formali u diversi punti oħra hemm bżonn li jiġu diskussi u dibattuti mill-ġdid.  Partit li għandu ideali ċari, prinċipji sodi, huwa ferm aqwa minn dak li m’għandux, jew minn dak li kellu u neħħihom.  Huwa għalija iktar ċentrali minn qabel li nimxu fuq din id-direzzjoni, li minnha jkollna aktar nies li daħlu biex jirrappreżentaw lill-partit għall-interess tal-poplu u mhux għal dak tagħhom.  Ta’ bnedmin li kapaċi jkunu sodi fl-Oppożizzjoni u fil-Gvern.

6.             Ngħid dan kollu għax il-bidla bdiet għaddejja diġà bi proċess qawwi.  Il-ħatra tal-Kap il-ġdid tal-partit, Simon Busuttil, ġiebet bniedem ġdid jaħdem f’din l-għalqa.  Bniedem umli, intelliġenti u deċiż f’dak li jrid iwettaq.  Persuna li kelli l-okkażjoni naħdem miegħu f’numru ta’ sitwazzjonijiet fil-kamp Ewropew.  Wieħed li fih kont dejjem narah igawdi minn stima kbira proprju għax wettaq ħafna ħidma determinanti hemm.  Rajtu jaqbad linji varji u jieħu r-raġun proprju għax kien ikollu ragun f’dak li kien jgħid u jagħmel.  F’dan il-ftit żmien diġà rajtu jieħu deċiżjonijiet tajba ħafna li fuqhom nistgħu nibnu sew.  Żgur mhux forsi, huwa deċiż li jassigura l-bidla interna u esterna tagħna.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...