12.5.13

Kull bidu mitmum





1.             Din il-ġimgħa ratna ngħaddu minn passaġġ diffiċli.  Inkitbu l-aħħar paġni ta’ tmexxija u l-bidu ta’ oħra.  Diversi bħali, li raw din il-bidla ssir, ħassew id-daqqa.  Ma hemmx dubju li kull min jiġi elett ikollu l-kwalitajiet personali tiegħu.  Il-pakkett ta’ talenti li jiġi bihom huma essenzali.  Biss dan fil-politika, għalkemm żgur li determinanti, ma huwiex biżżejjed.  Ma huwiex hekk, mhux sforz xi ħaġa li tista’ twettaq int bħala mexxej, imma minħabba ċ-ċirkostanzi li ssib ruħek fihom.  Lawrence Gonzi kellu, u għad għandu, diversi meriti però kellu jgħaddi minn wisq baħar imqalleb.

2.             L-eventi li ffaċċja sawruh f’persuna li kien kapaċi jaffronta b’attenzjoni u  detrminazzjoni dak li ħaddieħor ma kellux.  Kellu ħafna persuni li tawh appoġġ sħiħ u inkundizzjonat, gawda minn rispett kbir f’pajjiżna u barra minn xtutna.  Biss, kellu min għamillu ħajtu diffiċli.  F’diversi mumenti tal-ġurnata, kienx xogħol jew qiegħed jistrih, ried jeżerċita l-abbiltajiet kbar bejn prijoritajiet nazzjonali u dawk personali ta’ ċerti atturi.  Vinċa bi prezz għoli dan il-bilanċ għal ħafna xhur, litteralment jum wara jum, lejn wara lejl, imma hemm limitu għal kull persuna, hu inkluż, u dan minkejja l-perseveranza u determinazzjoni interna li kellu.  F’mument minnhom, il-mazz bdew jiġbduh minn idejh.  Is-sistema demokratika hekk hi: tiddependi mll-appoġġ tal-oħrajn.  Meta dan jonqos, tmur lura magħhom.  Għalhekk kellu jgħaddi minn flaġellazzjoni interna u esterna mingħajr ma kellu mument ta’ waqfien veru, ta’ riflessjoni.

3.             Hu kien fil-mira tant li, għamel x’għamel b’suċċess, anqas kellu l-ħin jieqaf jifhem x’effeett u impatt dan kien ser ikollu għalih politikament.  Diversi kienu miegħu f’passaġġi varji ta’ din it-triq twila u iebsa ħafna.  Kont jien ukoll f’partijiet determinanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-kwistjoni fil-Libja u stajt napprezzah iktar minn ħaddieħor f’dawk il-jiem ta’ ħidma kontinwa.  Għamiltha ma’ ħafna politiċi u qrajt ukoll dwar dawk li ma ltqajtx magħhom u stajt immiss u nara dak li kien qed jirnexxilu jwassal.  Bniedem li kien kapaċi jieħu fuqu sfidi li ħaddieħor ma kienx.  Forsi ħa żżejjed, ferm iktar milli kellu jieħu, u dan fit-taħwid li kien hemm, il-poplu ma kienx f’pożizzjoni li japprezzah.  L-elettorat irid attenzjoni, kura partikolari u l-Gvern kien qiegħed joħroġ li ma kienx qed jagħti każ, iktar u iktar meta kien jingħad ċertu diskors żejjed fix-xejn.

4.             L-istorja ċertissimu li ser tkun ferm aktar ġusta milli kien ir-riżultat elettorali fil-konfront tiegħu.  L-irwiefen u d-duħħan li tqajmu mill-medja, mill-gazzetti, daqt ikunu għaddew.  Għal ħafna, bħali, kien ċarissimu li diversi kellhom fl-aġenda tagħhom li jċekknuh u miegħu wkoll lil dawk li kienu qed jagħtuh appoġġ.  Hu kien qiegħed jaħdem fuq triq, menti ħaddieħor kien il-ħin kollu qed jittama kif ineħħih.  Iġibuh f’pożizzjonijiet diffiċli biex jaqtugħ barra.  Issa li l-ilmijiet ikkalmaw u l-konċentrazzjoni tgħaddi fuq il-Gvern tal-ġurnata u jibda jsir it-taqbil veru, allura x-xenarju jinbidel.  Hemm ser ikun ħalla wirt ta’ ħidma u deċiżjonijiet li bihom dawk li jkunu fil-parlament, u sinċerament nittama li hu wkoll, jistgħu jqajmu fid-dibattiti għall-attenzjoni tal-poplu.

5.             Kull politiku jaf li mhuwiex għal dejjem.  Jibqa’ jittama li joħroġ barra mix-xenarju bil-kuruni tar-rebħiet elettorali.  Biss, ilkoll nafu li dan huwa diffiċli ħafna.  Din ix-xorti ma tmissx lil kull politiku, wisq inqas lil kull mexxej, imma dan ma jfissirx li ma jkunx hemm min japprezzah u kapaċi jiżnu fit-tajjeb.  Tul il-ġimgħa rajnih joħroġ mix-xenarju b’dinjità. Preżenti sal-aħħar tal-karriera tiegħu bħala mexxej biex jassigura l-passaġġ lejn il-Kap il-ġdid tiegħu u tagħna, Simon Busuttil.  Il-piż u r-responsabbiltà kbira li kellu jerfa’ issa għaddew f’idejn ħaddieħor.  Simon għandu l-kwalitajiet neċessarji biex iġib lill-partit lura f’pożizzjoni tajba.  Għadna fil-bidu ta’ din it-triq twila, biss ċert li qbadnieha tajjeb.  L-appoġġ tagħna lkoll huwa issa wara l-Kap il-ġdid tagħna.  Bħalma Lawrence Gonzi gawda mil-lealtà ta’ diversi bħali, hekk nassigurah li ser inkunu miegħu.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...