22.4.13

Nagħrfu d-direzzjoni tagħna



1.         Tul din il-ġimgħa bdejna l-ewwel dibattiti parlamentari.  Għalkemm huwa minnu li għandna inqas membri eletti, però xorta waħda bħala Oppożizzjoni għandna dritt għall-istess ħin sabiex nitkellmu daqs in-naħa tal-Gvern.  Kienu tlett ijiem fejn ġie approvat l-ewwel parti tal-proċess parlamentari tal-budget.  Issa rridu, fil-ġimgħa li ġejja, nidħlu fl-abbozz ta’ liġi li jġib fis-seħħ il-miżuri li kienu ġew stabbiliti mill-aħħar leġislatura.  Mill-aħħar parti ta’ wirt ta’ tajjeb li ħalla Gvern Nazzjonalista warajh.  Mid-diversi passi u miżuri li għamlu l-ġid u għadhom qed jagħmlu hekk.  Għal ħafna huwa ċar li s-sitwazzjoni preżenti għadha qegħda għaddejja proprju minħabba r-rankatura li tajna.  Il-problemi jibdew appena dan il-proċess naturali jispiċċa u hemm allura l-poplu jinduna li hemm differenza f’min qiegħed imexxi.

 

2.         F’dawn il-ġimgħat inizjali ta’ dan il-Gvern Laburista, qegħdin fil-fatt naraw diversi passi li l-konsegwenzi tagħhom sejrin immissuhom iktar ‘il quddiem.  Huwa diġà evidenti li hemm abbundanza ta’ deċiżjonijiet mgħaġġla għax hemm min jaħseb li azzjoni ħażina, iktar ma twettaqha malajr fil-leġislatura, iktar hemm probabbiltà li tintesa.  Biss, l-esperjenza politika qegħda turi li dan m’huwiex il-każ.  F’din l-aħħar elezzjoni ġenerai hemm lezzjonijiet li kull naħa tal-Kamra trid toqgħod attenta għalihom.  L-elettorat tagħna huwa illum iktar iffukat fuq dak li ngħad matul il-kampanja u dak li qiegħed isir.  Ma hemmx poplu li lest li jħalli lil min jidħak bih u jagħlaq għajn, imma qiegħed jeżamina fid-dettall kull pass.  L-aġir żbaljat hemm jibqa’ u wieħed irid iħallas għalih, iktar u iktar f’soċjetà bħal tagħna fejn hemm diversi jiġu minn xulxin.

 

3.         Barra fit-toroq hemm l-impressjoni li l-aġenda prinċipali li qegħda tokkupa moħħ il-Prim Ministru hija dik li jipprova jikkuntenta kemm jista’ membri parlamentari u pseudo protagonisti politiċi.  F’dan l-istadju l-linja ma’ kull ġurnata tiżviluppa f’rigali differenti lil dawk li, fl-għażla tajba jew ħażina tiegħu, tħallew barra mill-Kabinett.  Fl-opinjoni ta’ diversi, hemm persuni li kellhom jitħallew barra u oħrajn li jidħlu ġewwa, biss dik it-taħlita hija fuq dahru u l-effetti tagħha jiġu ma’ wiċċu iktar ‘il quddiem meta jibda jberraq daqqa fuq ħaġa u daqqa fuq oħra.  Dan apparti ċerti żbilanċi ta’ poter intern bejn dawk li għandhom wisq u jista’ jkun li ma jifilħux għalih u dawk li għandhom inqas u jifilħu għal iktar.  Hu x’inhu, qisu qabel ma jitlaq, l-importanti għalih huwa li jikkuntenta lil kulħadd.

 

4.         Anzi, iktar u iktar qed tingħata l-impressjoni li x-xogħol prinċipali għandu jkun mhux li jimxu ‘l quddiem id-dipartimenti u l-ħaddiema, imma li f’kull post iċaqilqu lil dak u lill-ieħor.  F’moħħhom għandhom l-importanza u l-fissazzjoni li jkollhom kollox assolutament f’idejhom.  Dan bħala linja ta’ prinċipju huwa minnu nnifsu żbaljat politikament għax il-pajjiż irid jitmexxa u jingħata servizz minn kull persuna, hija x’inhija l-opinjoni politika tagħha.  Mhux biss, imma meta tneħħi b’dan il-mod u mingħajr loġika, salv dik partiġġjana, tkun qed titlef esperjenza u memorja istituzzjonali.  Hemm ħafna li jersqu ‘l quddiem sabiex jieħdu ħaġa jew oħra, imma l-pajjiż jinteressah iktar li l-affarijiet isiru sewwa.  Persuni ta’ esperjenza qegħdin jintilfu fi trasferiment naħa jew oħra, bis-soliti metodi li diversi fakkruhom f’dak li kien iseħħ taħt amministrazzjonijiet Laburisti oħra.

 

5.         Il-Partit Laburista għandu f’rasu numru ta’ ideat żbaljati bħal dik li fl-1998 tilef l-elezzjoni ġenerali għax ħalla xi kapijiet f’numru ta’ dipartimenti li ma kienux identifikati bħala laburisti.  Din hija opinjoni żbaljata.  Dik l-elezzjoni ntilfet fuq raġunijiet kompletament differenti.  Intilfet minħabba diversi nuqqasijiet oħra li wasslu lill-poplu jbiddel il-Gvern.  L-eżerċizzju ta’ dan it-tip ta’ tibdil li qiegħed isir huwa wieħed li jibgħat messaġġ ċar li l-amministrazzjoni preżenti ma tridx taħdem ma’ kulħadd u li, anzi, għandha l-biża’.  Fl-opinjoni ta’ diversi, Gvern irid juri u jġib fil-prattika ħidma li tinvolvi lil kull persuna.  U dan apparti l-fatt indiskuss li huwa għaqli lijkun hemm għajnejn u widnejn differenti sabiex inaqqsu mit-tentazzjonijiet għall-irresponsabbiltajiet u l-abbużi li, inevitabilment, iseħħu meta ma hemm kontroll.  Biss, huwa ċar li meta hemm il-biża’ minn dak jew l-ieħor, turi li hemm nuqqas ta’ fiduċja fl-abbiltajiet personali ta’ min qiegħed imexxi.

 

6.         Jekk hemm min jaħseb li dawn l-affarijiet qed jaqbżulna, nassiguraw li le.  Huwa minnu li hemm bżonn nagħtu attenzjoni partikolari sabiex nidħlu l-organi nterni tal-partit, biss dan ma jfissirx li m’aħniex ser inkunu wkoll iffukati fuq ħidmietna bħala Oppożizzjoni parlamentari.  Id-direzzjoni tagħna hija ċara: inkunu ma’ kull ġurnata Oppożizzjoni tajba u aqwa minn ta’ qabilna.  S’issa, il-Partit Nazzjonalista huwa magħruf li f’kull pożizzjoni li l-elettorat għażel li jqegħdu, servih.  Hekk ser nagħmlu f’dawn il-jiem, bil-viġilanza u l-għodda li l-liġi u s-sistema parlamentari tagħtina.  L-istituzzjonijiet f’soċjetà moderna jimxu ‘l quddiem jekk ikun hemm verament rispett lejn l-oħrajn, anke jekk dawn m’għandhomx l-istess opinjonijiet tagħhom.  Id-direzzjoni tagħna hija ċara u nagħrfuha sabiex id-demokrazija b’saħħitha li ħallejna ma tiġi qatt imnaqqra u tmur lura.

 

 

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...