26.4.12

Ġustizzja soċjali fit-teknoloġija

1.    F’dawn l-aħħar għaxar snin, pajjiżna għamel qabżiet kbar fit-teknoloġija moderna.  Filwaqt li kellna l-iżvantaġġi ta’ Stat li ma kienx jippermetti d-dħul tal-kompjuters u allura tlaqna fuq passi li kienu żammewna lura, għaddejna malajr sabiex inkunu minn ta’ quddiem.  L-investiment li sar f’din id-direzzjoni mill-Gvern għall-ġid komuni serva u qiegħed ikompli jagħti l-frott.  It-teknoloġija moderna mhux talli ma naqqsitx mix-xogħol, mill-postijiet tal-ħaddiema, talli serviet sabiex tkattarhom u tissudahom.  Permezz tal-viżjoni kostatement avvanzata tagħna ġibna iktar investiment u assigurajna t-tisħiħ tas-settur ekonomiku ta’ pajjiżna.

2.    Il-fatt li m’aħniex lura imma avvanzati sew ġie utli ħafna.  Diversi servizzi, organizzazzjonijiet u kumpanniji ġew f’dawn il-gżejjer proprju għax m’għandhomx problemi marbuta ma’ dan is-settur.  Illum it-teknoloġija hija mezz ta’ komunikazzjoni, però l-iktar ta’ informazzjoni u aċċessibilità.  Il-kamp ekonomiku ħa gwadann u jekk nibqgħu b’din il-linja politika allura, żgur mhux forsi, ser nimxu.  Biss qiegħed jagħmel ġid ukoll f’settur li, ħamsa u għoxrin sena ilu, ħadd ma kien jimmaġinah.

3.    Biss, il-ftuħ tal-fruntieri li qabel kien hemm sabiex dawn l-apparati moderni ma jidħlux f’pajjiżna ma ssarfux f’politika elitista.  Il-Gvern ħa ħsieb li ma jagħmilx restrizzjonijiet u għalhekk din it-teknoloġija ma baqgħetx f’idejn il-korporazzjonijiet kbar jew persuni li għandhom il-mezzi.  Il-prinċipju li nżamm kostantement kien dak li għandu jkun hemm tixrid lill-klassijiet kollha tas-soċjetà.  Ħadna ħsieb li nimplimentaw l-interklassiżmu hawn ukoll.  Illum il-ġurnata, kważi f’kull familja, speċjalment fejn hemm it-tfal, hemm ukoll kompjuter li jintuża.

4.    Ħaddanna hawn ukoll il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali.  Assigurajna b’mezzi varji li ngħaddu dan l-apparat aktar faċilment.  Mhux biss, imma b’kollaborazzjoni soċjali, speċjalment mill-Kunsilli Lokali, ixxerred aħjar l-użu intelliġenti tiegħu lil kull persuna, hi x’inhi l-età tagħha.  Seħħet ukoll politika inter-ġenerazzjonali li biha llum persuni ta’ kull età jistgħu jitgħallmu u jagħmlu użu intelliġenti minnha.  It-teknoloġija hija llum mezz għal kull persuna biex tuża l-istrumenti soċjali għall-bżonnijiet tagħha.

5.    Il-Ġimgħa kont preżenti għall-attività tal-kumpannija kummerċjali TCTC flimkien mal-Kunsilli Lokali, u stajt nara kemm din ir-rabta soċjali u kummerċjali qegħda taħdem.  Id-diversi programmi li saru juru li sar avvanz kbir fis-soċjetà.  Għarfien ta’ kif taħdem is-sistema, kif tista’ tkun ta’ benefiċċju ta’ veru.  L-impenn, il-viżjoni tagħna huma proprju fuq din il-linja.  Illum hija għodda li għandha tkun aċċessibbli għas-soċjetà kollha.  Strument ta’ twettiq ta’ ġustizzja soċjali sabiex ebda persuna ma tkun żvantaġġjata.  Jekk trid, qegħdin għad-dispożizzjoni tiegħek u fl-istess ħin hemm faċilità kbira fl-użu.

6.    It-teknoloġija moderna fiha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi fid-dinja soċjali.  Għalhekk għażilna li ma nħalluhiex żiemel sfrattat imma assigurajna, b’numru ta’ reati ġodda u emendi, li l-użu ħażin tagħha m’għandux jiġi permess.  Min jużaha bħala strument għat-tixrid tal-pornografija, inkella sabiex jissolleċita għal skopijiet simili għandu liġijiet iebsa warajh.  F’dan ir-rigward, il-Korp tal-Pulizija f’dawn is-snin bena fi ħdanu esperjenza u teknika biex iservi bħala difiża, speċjalment għal min huwa l-iktar vulnerabbli: uliedna.

7.    It-teknoloġija tal-lum u ta’ għada għandha tibqa’ waħda li tasal għand il-poplu.  Tasal għandu mingħajr limitazzjonijiet u b’ġustizzja soċjali.  Għalhekk, mingħajr din il-viżjoni, pajjiżna jkun qiegħed jitlef.  It-tessut demokratiku tagħna jkun qiegħed imur lura.  Ikun żball politiku li wieħed, f’xi mument, jippermetti li mmorru lura minn dan.  Għalhekk, kif konna, għandna nkomplu nibqgħu ninvestu u naħdmu f’din id-direzzjoni biex din l-għodda nkomplu nsarrfuha għall-ġid tal-poplu ekonomikament, soċjalment u demokratikament.

18.4.12

Il-Ġustizzja Soċjali f’Ħidmitna


1.    Tul il-ġimgħa, il-Prim Ministru għamel sew li ressaq għal għajnejn il-poplu l-erba’ snin ta’ ħidma li twettqet minn dan it-tieni Gvern immexxi minnu.  Il-figuri, iċ-ċifri, ir-riżultati hemm qegħdin.  Jidhru quddiem kull min huwa interessat li jsir jafhom.  Tant hemm punti validi, li hemm bżonn li jaslu għand in-nies, ġewwa djarhom, fil-kċejjen tagħhom.  Hemm min ser jaqrahom, hemm min le, però dawk li jgħarfuhom ser jagħtu kredtu għax-xogħol li sar. Il-Gvern ħadem iktar minn qabel proprju għax fehem li jekk dan ma jsirx, il-pajjiż tagħna jmur lura. Għalhekk hemm kuntrasti li jsiru bejnna li ħdima, u l-Oppożizzjoni li ma għamlet xejn, salv li tikkritika inġustament. Titkellem qisu kull jum fuq il-bank ta’ quddiem il-każini tagħhom, mingħajr proposti veri. Proposti li jistgħu b’xi mod jitħaddmu.  Dan deher iktar evidenti għax waqt li l-Prim Ministru kien qiegħed jispega x’sar, fl-istess jum il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ imaqdar jikkundanna u jcċekken.

2.    Kull gvern ikollu s-sodisfazzjonijiet u d-diżappunti tiegħu.  Ma jistax iħares lejn tal-ewwel mingħajr ma jikkunsidra t-tieni.  Hemm punti li twettqu, u huma ħafna, però hemm oħrajn inqas fin-numru li ma sarux.  Il-Prim Ministru huwa konxju minn dan il-bilanċ.  Fil-kalatura ta’ dak li sar, hemm ħafna ndikazzjoni mill-iktar evidenti ta’ impenn u bżulija.  Ħadd ma jista’, b’xi mod, jgħid li ma għamilniex kemm flaħna.  Kienu u jibqgħu erba’ snin li permezz tagħhom inbidlu u ġew riformati numru ta’ setturi li minnhom il-pajjiż qiegħed jieħu benefiċċju immedjat u ser jieħu aktar iktar ‘il quddiem. Biss jibqa dejjem dak li ghad jrid jsir. Dak li għadna naħdmu għalih.

3.    Dak li sar għamilnieh għall-ġid tal-bnedmin, tas-soċjetà li ngħixu fiha u mhux biex sempliċement ngħidu li saru.  Fil-konsiderazzjonijiet żammejna kontinwament li dak li qed nagħmlu qed isir għalina lkoll, għas-socjetà.  Kien hawn min pinġiena bħala persuni li jamministraw u jiddeċiedu mingħajr qalb.  Dan ma huwa minnu xejn.  Il-konsiderazzjoni prinċipali u kontinwa kienet u għadha dik li naraw li l-pajjiż jibqa’ jimxi ‘l quddiem u li nassiguraw li kull parti mis-soċjetà tiġi kkurata u effettwata negattivament fl-inqas mod possibbli.  Ma kienx, u mhux dejjem possibbli, speċjalment f’dak li hu marbut mal-ispejjeż marbuta mas-servizzi li qabel konna mdorrijin inħallsu f’ammonti iżgħar.

4.    Il-Gvern żamm lilu nnifsu viċin il-poplu.  Ma qagħadx ‘il bogħod, imma baqa’ jisma’ u jara.  Huwa magħruf li, minkejja kull xewqa ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet, xorta jkollok effetti negattivi.  Tagħmel għal dak li taħseb li huwa l-aħjar, iżda ma jfissirx li dak li taħseb jkun effettivament hekk.  L-esperjenza politika tkabbarlek dejjem iktar il-kawtela u l-attenzjoni.  Kull soċjetà, nagħmlu x’nagħmlu, tgħaddi minn fażijiet differenti.  Jinbidlu dawk li jbatu.  Il-kategoriji ta’ dawk li huma l-inqas fis-soċjetà, ta’ dawk li jinqabdu f’sitwazzjonijiet partikolari, jduru.  Għalhekk tajjeb li naraw il-ħin kollu kif dak li hu għaddej nindirizzawh.  Jekk hemm min m’għadux ikampa minħabba żidiet, tibdiliet fiċ-ċirkostanzi, l-iskemi rridu narawhom u nindirizzawhom.

5.    Jekk xi ħadd jimmaġina li dan il-Gvern inqata’ mir-realtà, qiegħed jiżbalja.  It-tmexxija tal-lum tħares, b’mod partikolari, għal min huwa ‘l isfel.  Trid tassigura li tagħtih l-assistenza neċessarja.  Kull min jersaq b’ideat, direzzjonijiet, bħal ma għamlet reċentement il-Caritas, aħna nibqgħu narawhom sabiex nagħmlu dak li hu sewwa.  Nieħdu u neżaminaw sewwa dak li qed jingħad sabiex nindirizzaw dejjem aħjar dak li ċittadini varji jsibu jew jistgħu jsibu ruħhom fih.  Ir-riżultati li wieħed jilħaq jibqgħu tajba sakemm ikollhom il-viżjoni tagħna tal-ġustizzja soċjali.  M’aħniex segwaċi ta’ dawk li jħarsu lejn is-soċjetà mil-lenti tal-liberaliżmu ekonomiku selvaġġ li jikkundanna lil min huwa minn taħt b’awto-responsabbiltà. 

6.    Il-problema prinċipali ta’ kif issir l-politika fis-soċjetà tal-lum hija marbuta mal-fatt li din qegħda tħares lejn l-immaġini u l-perċezzjoni iktar mis-sustanza tal-affarijiet.  Is-sustanza, il-formazzjoni u l-preparazzjoni tal-politiku niżlu ‘l isfel sew.  Il-vuċijiet ta’ dawk li jħarsu biss lejn kif jidhru meta jgħidu xi ħaġa qed jiżdiedu u qed jaqtgħu ruħhom kompletament minn jekk kemm-il darba dak li qalu huwiex tajjeb jew le.  Proprosta tista’ tidher sabiħa u aċċettabbli, però għall-ġid tal-poplu huwa iktar importanti li dak li twettaq ikun ibbażat fuq valuri tajba u li, minnhom infushom, jagħmlu l-ġid.  Il-ħidma politika hija fit-triq it-tajba meta tassigura li dak li qed isir minnha qed iġib fis-seħħ pedamenti sodi.  Tassigura l-Ġustizzja Soċjali li hija neċessarja mhux biss fil-ħidma li ma tiqafx, imma fit-tiftix kostanti li wieħed jagħmel verament is-sewwa u mhux sempliċement jidher li qed jagħmel dan.

16.4.12

Fis-settur tal-Immigrazzjoni

1.    Is-settur tal-immigrazzjoni irregolari kien, għadu u ser jibqa’ wieħed mill-iktar impenjattivi għal dan il-Gvern u għal kull wieħed ieħor li jiġi warajh.  F’dawn l-erba’ snin li sibtni rrid naffronta l-kumplessitajiet li jitwieldu minn dan il-fenomenu tgħallimt u nibqa’ kuljum nitgħallem.  Tul din il-leġislatura kellna, għall-ewwel darba, Ministeru wieħed responsabbli mill-immigrazzjoni u ma baqax aktar maqsum.  Deċiżjoni tajba għax ippermettiet li jsir xogħol b’ferm iktar attenzjoni u kollaborazzjoni.  Illum, jekk inħares lura, żgur mhux forsi nara numru ta’ punti li avvanzajna fihom għall-ġid ta’ dawn il-persuni umani u tal-poplu tagħna.

2.    Mill-bidu tal-leġislatura fhimt li kellna l-vantaġġ tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, li stajna nressquha għal deċiżjonijiet aktar effettivi.  Deċiżjonijiet inċiżivi għal dawn il-gżejjer u għall-Ewropa kollha kemm hi.  Fit-tieni sitt xhur tal-2008 daħlet il-Presidenza Franċiża, pajjiż kbir Mediterranju u fl-istess ħin b’saħħa kbira fl-Unjoni Ewropea, li din mexxiet ‘il quddiem proċess li wassal lejn id-dokument finali tal-Patt tal-Immigrazzjoni u l-Ażil.  Fid-diversi punti pożittivi li kien hemm, u li wħud minnhom daħlu proprju fuq l-insistenza tagħna, kien hemm partikolarment tlieta.  L-ewwel: id-dħul ta’ klawsola ta’ solidarjetà; it-tieni: it-twaqqif ta’ uffiċċju magħruf bħala l-Uffiċċju Ewropew għas-Sostenn fil-Qasam tal-Ażil (EASO); u t-tielet li niffukaw fuq ir-ripatriju ta’ min ġie hawn illegalment u li għalhekk ma kienx ħaqqu protezzjoni.

3.    Minn dak id-dokument imxejna ‘l quddiem.  B’ħidmitna żammejna dan is-suġġett għoli fuq l-aġenda ta’ kull Presidenza Ewropea li ġiet wara.  Saru numru ta’ dokumenti importanti, fosthom dak ta’ Stokkolma u issa reċentement dak taħt din il-Presidenza Daniża fejn dħalna ferm iktar fil-fond fis-suġġett, inkluż b’mod iktar dirett kif tista’ sseħħ is-solidarjetà mal-Membri, huma min huma, u huwa x’inhuwa s-settur fl-immigrazzjoni.  Mhux biss, imma l-Uffiċċju Ewropew għas-Sostenn fil-Qasam tal-Ażil ġie mwaqqaf u diġà qiegħed jiffunzjona f’pajjiżna.  Ma’ dan irnexxielna nħaddmu mekkaniżmu ta’ solidarjetà li permezz tiegħu numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea addottaw persuni li waslu għandna u li ngħatatilhom protezzjoni.

4.    Iċ-Ċentri tagħna li kienu kkiritikati daqqa ġustament u daqqa inġustament għaddejna minn proċessi varji sabiex inkunu nistgħu nżommuhom fi stat tajjeb u nippruvaw nissudawhom.  Dan ma kien faċli xejn.  Biss ħadna d-deċiżjoni li dawn ikunu miftuħa għall-iskrutinju tal-opinjoni pubblika.  Kien u jibqa’ diffiċli li wieħed iżomm tajjeb dawn il-postijiet meta fihom għandek diversi persuni li qed jokkupawhom.  Biss irnexxielna nibdlu u issa ser jirnexxilna anke nneħħu t-tined li għad fadal wara li diġà konna neħħejna diversi minnhom.  Nittama li fil-ġimgħat li ġejjin il-post jerġa’ jittrasofrma ruħu.  Li hu żgur hu li hemm ferm iktar servizzi li jingħataw minn qatt qabel.

5.    Sar xogħol ieħor marbut mal-iskrutinju tal-varji talbiet għall-ażil li jsiru minn persuni li jaslu hawn.  Pajjiżna jibqa’ l-iktar wieħed li rċieva talbiet għall-ażil fid-dinja.  Mhux biss, imma 98% ta’ dawk li jaslu hawn, jagħmlu tali talba.  Għalhekk, f’dawn l-erba’ snin żdiedu konsiderevolment il-pressjonijiet sabiex l-applikazzjonijiet jiġu magħluqa malajr kemm jista’ jkun.  Dan effettivament sar u baqa’ jsir.  L-uffiċċju mmexxi mill-Kummissarju għar-Rifuġjati għamel xogħol impressjonanti hawn, b’tibdiliet u b’abbiltajiet li ftit pajjiżi Ewropej laħqu.  L-applikazzjonijiet qegħdin jingħalqu dejjem f’perjodu iktar qasir.

6.    Din il-ħidma hija parti minn dak li jsir minn dan il-pajjiż f’dan is-settur importanti.  Però jsir kontinwament mhux sporadikament.  Din il-ġimgħa kellna wkoll żewġ passi oħra: l-ewwel, numru ta’ persuni li ma kienx ħaqqhom protezzjoni li ġew ripatrijati lura lejn pajjiżhom il-Ghana; u t-tieni, numru ieħor ta’ persuni li ġew integrati fl-Istati Uniti.  F’dan il-mument partikolari, fiċ-Ċentri Miftuħa u Magħluqa hemm inqas minn tlett elef ruħ.  Bil-ħidma li għamilna, u li għadna qed nagħmlu, ser inkomplu nippruvaw nassiguraw li min ħaqqu protezzjoni nassistuh biex jiġi rilokat f’pajjiż ieħor u dawk li le, li jiġu ripatrijati lura f’pajjiżhom.  Dan hu parti mix-xogħol li sar u li għadu jsir f’dan is-settur.

12.4.12

Sabar u paċenzja

1.    Forsi l-esperjenzi umani li kull persuna tmiss magħhom ta’ kuljum, forsi l-età, forsi wkoll il-qari jew dawn kollha flimkien juru kemm is-sabar u l-paċenzja huma essenzjali.  Importanti sabiex wieħed jipprova jqiegħed lilu nnifsu biex issir is-sewwa.  Meta deċiżjonijiet jiġu meħuda malajr, b’reazzjoni għal ħwejjeġ oħra, mhux dejjem ikunu f’posthom u anzi, ċertu drabi, jagħlqu l-bieb għal passi oħra aqwa u aħjar.  Imma l-ħajja hekk hi.  Jekk ma toqgħodx attent, taħkmek fin-naħa l-iżbaljata.  Tirkbek u tispiċċa twettaq il-kontra ta’ dak li trid.

2.    Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar ma nara lill-bniedem mill-eżistenza umana u mill-politika nara kemm il-paċenzja u s-sabar huma virtujiet li jridu jiġu koltivati f’qalb u f’moħħ kull bniedem.  Hemm ħafna sitwazzjonijiet li fihom trid tieqaf u tirrifletti.  Tieqaf sabiex tbati diskors żejjed u aġir żbaljat bis-sabar u r-rassenjazzjoni li, għada pitgħada, is-sewwa jseħħ.  Din mhix xi esperjenza unika għal persuna waħda.  Kull bniedem fil-ħajja tiegħu f’din id-dinja jrid jara minn dan ma’ wiċċu.  Isofri, ibati diversi forom ta’ inġustizzja f’dak li jkun qiegħed jagħmel u, jekk ma jkollux il-fidi u l-umiltà tal-paċenzja, jaf li jekk jirreaġixxi jiżbalja.

3.    Hemm min fis-soċjetà tagħna, bħal kull f’soċjetà oħra f’kull żmien, li jara li jqiegħed lilu nnifsu għas-servizz ta’ dak li jaf li huwa ħażin u żbaljat.  Għad hawn diversi li jaħsbu li kollox jista’ jkun ġustifikat, l-aqwa li l-għan aħħari suppost li jkun tajjeb u nobbli.  Diversi jqegħdu fuq il-pedestall tagħhom miri li jridu jilħqu akkost ta’ kollox.  Jinħakmu mill-bżonn li joħolqu għalihom infushom u jwettqu atti żbaljati kontra terzi persuni.  Tiskanta kif wara sekli ta’ esperjenzi umani miktuba, rakkontati u li qegħdin għad-disposizzjoni tagħna lkoll jibqa’ jkun hemm min jaħseb li, b’aġir żbaljat, ser jiggwadanja.

4.    B’żerriegħa ħażina, frott tajjeb ma joħroġx.  Tiżragħha meta tiżragħha, fejn u x’ħin trid, xorta waħda hemm tibqa’ mwaħħla – tidher mod u tkun mod ieħor.  Trid tistabar u tistenna li tqiegħed żerriegħa tajba u trid tara li tipproteġiha biex tikber soda u dritta ‘l fuq.  Tieħu l-ħin tagħha, verament, u frottha jdum ma jingħata, imma meta trendi, it-tjubija hemm tkun.  Uħud jgħidu li tkun qed tkaxkar saqajk, tinki, toqgħod lura meta fir-realtà tkun qed tara x’inhu l-aħjar li għandu jsir.  Ħafna nies jiġru, persuni li jkunu reazzjonarji hekk jagħmlu u jispiċċaw jidhru li qed jimxu ‘l quddiem, mentri fir-realtà jkunu qed imorru passi lura. 

5.    Hemm diversi, elenku twil fl-istorja tal-bniedem, ta’ deċiżjonijiet li jiġu meħuda b’dan il-mod.  Servew biss sabiex saddew ħalq il-kritiċi li però, maż-żmien, urew ruħhom bħala inadegwati.  Il-verità dik hi.  It-triq biex isir proġett tajjeb, wieħed li jservi verament lill-bniedem, hija twila u diffiċli.  L-esperjenza politika llum anzi għallmitni li aktar ma jkun ser isir pass tajjeb għall-bniedem,  iktar jinqalgħu ntoppi u rwiefen.  Kritika inġusta ma tonqosx, gambetti anqas.  Aktar ma jqum il-maltemp, iktar tkun taf li dak li qed tagħmel ser iservi mhux biex jitkattar il-ħażen, imma jissoda s-sewwa.  Għażliet mhux faċli għall-politiku, però li jagħżlu bejn dawk li jmorru għaċ-ċapċip faċli jew dawk li jippreferu jgħaddu mill-manglu tat-tbatija biex iservu verament u mhux apparentement.

6.    Nikteb dan f’din il-Ġimgħa Mqaddsa li għalija għadha importanti.  Bdejtha bis-sodisfazzjon li nara ġabra ta’ persuni li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin itellgħu dramm bl-isem ta’ “Għotja”.  Ir-riformi li bdew isiru bl-Att u l-politika tagħna dwar il-Ġustizzja Riparatriċi bdew jagħtu l-frott tagħhom.  Ħadmu fiha b’impenn li huwa neċessarju sabiex bniedem jibdel ħajtu.  Mhux biżżejjed li ssakkar lin-nies ġewwa ċella, imma huwa importanti li tgħinhom jifhmu fejn żbaljaw u kif jistgħu jsiru persuni aħjar.  Il-kliem ta’ Fr Franco Fenech, kappillan tal-Faċilità kienu f’posthom meta qal: “Għalija huma mumenti speċjali ħafna, li fihom nagħraf kemm kull persuna għandha kwalitajiet li mhux dejjem kellha x-xorti li jkollha ambjent tajjeb u adegwat biex tiżviluppahom.  Imma meta l-persuna ssib ambjent li jgħinha ħalli tiskopri u tiżviluppa dawn il-kwalitajiet, allura tkun lesta timpenja ruħha u tagħmel kull sagrifiċċju biex tikber.”  Il-produzzjoni ta’ dan id-dramm tat opportunità lil xi wħud mill-priġunieri biex jiskopru xi ħaġa ġdida fihom infushom, tant li huma stess kienu sorpriżi bil-“prodott”.  Il-paċenzja, is-sabar, kienu l-linji li ggwidawna sabiex fid-diskors żejjed li sar f’dawn ix-xhur, il-miżuri tal-ġustizzja riparatriċi mhux tkissru kif riedhom ħaddieħor, imma qed jibdew jagħtu l-frott it-tajjeb.  Għal dan aħna nibqgħu naħdmu u nimpenjaw ruħna.  Mill-qalb nawgura l-Għid it-Tajjeb lil kulħadd.

3.4.12

Il-poplu ta’ dawn il-gżejjer

1.    Wasalna f’mument fl-istorja ta’ pajjiżna li bħalu, fil-passat, ma kellniex.  Il-gżejjer baqgħu l-istess, bl-istess qies, bl-istess pajsaġġ imma l-poplu kiber sew fin-numru.  Qbiżna sew l-erba’ mitt elf ruħ li huma reġistrati li jgħixu f’xi parti jew oħra.  Qbiżna sew ukoll in-numru ta’ persuni li jiġu jżuruna.  It-turiżmu hawn qiegħed il-ħin kollu jikber u jiżdied tant li kważi ma nistgħux inlaħħqu miegħu.  Għandna wkoll taħlit ikbar u differenti ta’ kulturi u ideat.  M’għadniex esposti għal ftit mezzi ta’ komunikazzjoni bħal ma konna.  M’għadniex daqshekk viċin ta’ xulxin li kulħadd jaf b’ta’ ħaddieħor.

2.    Definittivament, ix-xenarju soċjo-kulturali nbidel ta’ taħt fuq.  Il-ħid għad-dispożizzjoni tagħna nbidel kompletament.  Qabel, ħafna aktar persuni kellhom sfog li setgħu jqattgħu iktar ħin jitkellmu.  It-tradizzjonijiet Maltin u Għawdxin bdew idubu u jieqfu milli jibqgħu jitħaddnu.  Bil-ħinijiet tax-xogħol, bil-pressjonijiet moderni varji naqsu dawk li fil-jum jieklu lkoll bħala familja mdawra flimkien madwar il-mejda.  Qed jispiċċaw mumenti meta l-familja estiża bin-nanniet, zijiet, neputijiet, qraba u ħbieb jiltaqgħu fuq bażi regolari.  Kull bniedem qisu għaddej mill-proċess li minn persuna jsir individwu.

3.    Isalvaw ċerti tradizzjonijiet, imġieba tajba li tirrispetta d-dinjità tal-bniedem il-festi reliġjużi.  Ngħidu x’ngħidu, għad hemm saħħa, ġibda, kalamita għal ċelebrazzjonijiet esterni u interni ta’ dawn l-attivitajiet.  Diversi huma dawk li jimpenjaw ruħhom fis-setturi varji bħall-każini tal-baned, kmamar tan-nar, kumitati tal-armar, kunsilli parrokkjali.  Huma ftit mill-elementi prinċipali li jippreparaw, iħeġġu u jieħdu ħsieb li jorganizzaw.  Ħafna huma volontarji, għalkemm mhux kollha, imma hemm passjoni, determinazzjoni u perseveranza li ftit ser issib.  Dan kollu ilu magħna u għadu għaddej minkejja t-trapass taż-żmien.

4.    Il-Ħdud żgur, imma anke tul il-ġimgħa, l-każini tal-baned ikunu mimlija bin-nies.  Bnedmin ta’ kull età li huma hemm, miġbura jaraw x’qed jiġri u jieħdu ħsieb li jsostnu materjalment u finanzjarjament is-soċjetà tagħhom.  Hemm ħeġġa, li rari ssib bħalha u li għandha l-kwalità li hija kostanti.  Diversi inizjattivi jitwieldu għandhom minn dawn il-laqgħat.

5.    Meta ddur issib li dawn il-persuni huma dawk li jieħdu sehem fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira.  Hawn ukoll tara l-ħeġġa għall-parteċipazzjoni attiva fl-irfiegħ, fl-akkumpanjar, fil-kostumi, f’dak kollu li organizzazzjoni bħal din tinvolvi.  Kull sena hemm sforz kbir, enerġija barra mis-soltu li tiġi dedikata f’dan.  Tibqa’ wkoll taħseb kemm persuni jsegwu l-purċissjonijiet b’attenzjoni.  Iċ-ċaqliq minn post għall-ieħor huwa interessanti, b’diversi jieħdu ħsieb li jmorru post differenti kull sena proprju, proprju biex jaraw, iqabblu u jidħlu fl-atmosfera.

6.    Hekk għadha parti tajba mis-soċjetà Maltija.  Għalkemm kbirna fil-popolazzjoni, xorta ma tlifniex din l-influwenza.  Hemm ġabra kbira u ċelebrazzjoni esterna manifesta ta’ dak li aħna u li rridu nkomplu nkunu.  Ninnota li, għalkemm hemm nuqqas ta’ interess f’involviment politiku, f’dawn l-okkażjonijiet hemm anzi proprju l-kontra.  Dan huwa tajjeb u jkun żball jekk xi ħadd jipprova jċekknu jew imaqdru.  Id-demokrazija hija miftuħa għall-kurrenti varji ta’ ideat u hekk għandu jkun, biss ħadd ma jista’ jgħid li għax m’aħniex ninbidlu f’dawn il-valuri, allura li aħna xi soċjetà żbaljata jew lura.  It-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna ġieħ jagħmlulna u għalhekk għandna nkomplu nassigurawhom.

2.4.12

Ħidmet il-Parlament

1.    Tul din il-ġimgħa l-Parlament aġġorna, kif jagħmel kull sena, għall-vaganzi tal-Għid il-Kbir.  Sfortunatament kien hemm żmien meta, bi sfida għall-valuri u t-tradizzjonijiet insara tagħna, kien hemm min kien jibqa’ jinsisti li jibqa’ jlaqqa’ l-Kamra sa Ħamis ix-Xirka u anke jitħajjar fil-Ġimgħa l-Kbira.  Dan illum għadda proprju għax ħadna ħsieb li nagħtu l-importanza li ħaqqha l-politika nazzjonali mingħajr ma narawha b’xi mod tirbaħ fuq dik reliġjuża.  Hekk għamlu l-kapijiet tal-Kamra ta’ qabli.  Il-President Emeritu Guido de Marco (Alla jagħtih il-Ġenna), Lawrence Gonzi u Tonio Borg kollha segwew din il-prattika tajba.  Ma ltqajniex fil-mument li għal diversi Maltin u Għawdxin huwa għal qalbhom.  Din hija l-marka ta’ dan il-partit, u hekk baqgħet.  Għalhekk dan l-aġġornament ma ħariġx barra min-normal.

2.    Aġġornajna wara li l-Kamra ilha tiltaqa’ regolarment u kontinwament mill-bidu tas-sena.  Fl-ewwel xahrejn fil-fatt iltqajna 27 darba u f’dawn is-seduti numru konsiderevoli ta’ membri ħadu sehem.  Kien hemm xejn inqas minn 64 membru b’madwar 100 siegħa ta’ dibattitu u domandi parlamentari li ħafna drabi jittrasformaw ruħhom f’mumenti interessanti.  Fil-fatt, f’dawn ix-xhur ġew preżentati xejn inqas minn 2,326 domanda parlamentari.  Dan huwa xiehda ċara li l-Parlament baqa’ l-post fejn tiġi rispettata d-demokrazija.  Baqa’ wkoll il-post fejn il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari baqgħu jattendu regolarment u jwieġbu għad-domandi li jsirulhom miż-żewġ naħat tal-Kamra.  Ma kellniex dawk it-tip ta’ tweġibiet li “mhux fl-interess tal-poplu”, anqas ma kellna Ministru wieħed li jrid ilaħħaq ta’ kulħadd.  Il-Kamra tad-Deputati baqgħet taħdem tajjeb u dik il-ħidma baqgħet tiġi segwita u rrappurtata kontinwament.  F’ebda mument ma morna lura minn xi valur demokratiku.

3.    Mhux biss iddibattejna liġijiet varji imma approvajna wkoll, bil-kunsens taż-żewġ naħat, numru ta’ liġijiet.  Fil-fatt, hawn ukoll, il-ħidma leġislattiva ma waqgħetx lura.  Ġew approvati 3 liġijiet ġodda li huma marbuta mal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, il-pożizzjoni ta’ persuni b’diżabilità u l-liġi dwar is-self lill-Greċja.  Mhux biss, imma ġew ippreżentati wkoll 102 avviżi legali li huma wkoll, kif inhuwa magħruf, iżidu fil-korp leġislattiv tagħna u huma determinanti.  Biex wasalna hawn, il-Parlament ħadem.  Dan sar sija fid-dibattitu tat-tieni qari, kif ukoll fi stadju ta’ Kumitat.  Għax huwa magħruf li ħafna mil-liġijiet tagħna jingħataw l-iskrutinju neċessarju tagħhom f’kull stadju tal-Parlament.  F’dawn is-snin li ilni fl-Eżekuttiv, minn esperjenza ta’ 38 abbozz ta’ liġi li b’xi mod fih kelli sehem dirett, nista’ ngħid li huwa dejjem tajjeb li kull liġi tieħu l-ħin tagħha u li fuqha jkun hemm ir-riflessjoni neċessarja.  Naqbel li, kemm jista’ jkun, m’għandekx tagħmel limitu jew kontroll fuq kemm seduti jew membri jieħdu sehem f’dibattitu fuq xi liġi partikolari.

4.    Mhux biss, imma fuq l-aġenda parlamentari hemm ukoll numru ta’ abbozzi ta’ liġi pendenti.  Dan huwa wkoll mertu ta’ dan il-Gvern li ħa ħsieb li jkollu dejjem kwantità ta’ abbozzi ta’ liġijiet lesti biex jiġu dibattuti  Kien ikun hemm nuqqas kieku ma kellniex.  Proprju l-fatt li għandna ħafna juri, minflok, li aħna attivi u bqajna Gvern li jrid jibdel, jirriforma u dan sabiex ikollna soċjetà aħjar.  Dan huwa iktar ċar mill-fatt li għalkemm approvajna 3 abbozzi ta’ liġijiet, ġew preżentati 4 oħra ġodda.  Għalhekk il-Kamra quddiemha għandha aġenda twila, tajba u li għandna napprovaw.  Naqblu u m’hemmx dubju li għalkemm diversi liġijiet huma tajba fihom infushom, xorta jkun jonqoshom tibdiliet ta’ rfinar li jrid isir kontinwament.  Dan huwa proċess normali u s-soltu l-Oppożizzjoni timxi fuq din il-linja, għalkemm din is-sena kellna l-eċċezzjoni fuq l-abbozz ta’ liġi dwar l-Edukazzjoni li, stranament, iddikjaraw li għax jaqblu miegħu, ser jivvutaw il-kontra.

5.    Il-ħidma parlamentari ssir ukoll fid-diversi Kumitati li għandna mwaqqfa.  Fil-fatt, hawn ukoll, dawn komplessivament iltaqgħu 39 darba u dan ukoll huwa tajjeb.  Biss biss, il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, iktar magħruf bħala l-House Business Committee, ltaqa’ 6 darbiet.  F’dawn il-Kumitati ħafna drabi, għalkemm mhux dejjem, ix-xogħol isir fil-kalma u s-serenità.  Dan huwa tajjeb.  Fil-fatt fil-Kamra, iktar ma jkun hemm kalma u attenzjoni għal dak li jkun qiegħed isir, tant l-aħjar.  Nittama li, meta nerġgħu niltaqgħu, l-atmosfera tkun din sabiex napprovaw iktar liġijiet milli diġà approvajna.  Huwa essenzjali għall-poplu ta’ dawn il-Gżejjer li jirċievi mingħandna dan is-servizz.

6.    Hemm iktar xogħol li sar f’dawn ix-xhur marbut ukoll mal-ħidma li ssir kontinwament mill-membri parlamentari barra minn xtutna.  Biss, huwa żgur evidenti li l-Parlament ħadem u approva tajjeb fuq diversi punti għax huwa ċar li, fil-maġġoranza ta’ dak li jgħaddi mill-Kamra, jgħaddi għax naqblu fuqu t-tnejn.  Fil-Parlament it-tħaddim tad-demokrazija ma naqasx, anzi kompla jitkattar.  Kellu bżonn ħaddieħor żamm l-istess livell għoli li żammejna aħna.  Ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi, aħna hekk determinati li nkomplu nagħmlu.  Għandna ħafna iktar li jrid isir u nħares ‘il quddiem sabiex inkomplu naħdmu u napprovaw liġijiet u miżuri li jagħmlu l-ġid lil pajjiżna.  Dak kommessi għalih u determinati li nibqgħu nżommuh.

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...