31.1.12

Tmien immigranti jibdew ħajja ġdida fin-Norveġja

Ma hemmx dubju

1.    Ma hemmx dubju li din kienet ġimgħa diffiċli għall-Gvern.  Id-dibattitu parlamentari li segwa b’ritmu qawwi fl-erbat’ijiem tagħha wera biċ-ċar li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni kienet qegħda tittieħed bl-aktar serjetà.  Il-membri parlamentari eletti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ħadu sehem attiv u ressqu għall-attenzjoni tal-poplu punti mill-iktar validi.  Ħareġ biċ-ċar il-kuntrast bejn Oppożizzjoni li ma kentix qed tieħu sehem u n-naħa tal-Gvern li ressqet għall-konsiderazzjoni l-ħidma li saret u li għadha għaddejja.  Dan hu li l-poplu ra u fehem li qiegħed iseħħ.

2.    M’hemmx dubju wkoll li diversi persuni oħra analizzaw iktar fil-fond dak li kien seħħ u li kien għaddej.  L-ewwel, il-mod li bih l-Oppożizzjoni resqet lejn din is-sitwazzjoni politika.  Stajt nara fl-ewwel laqgħa tiegħi tal-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra li l-Partit Laburista, minkejja dak kollu li ppruvajt ngħidilhom, kellhom pjan imfassal f’rashom.  Il-pjan kien mozzjoni ta’ sfiduċja u, fl-istess ħin, mozzjoni ta’ giljottina.  Il-verità hija li ma kienx hemm bżonn tagħhom għax fuq l-aġenda parlamentari kien hemm liġi li għandha konsiderazzjonijiet finanzjarji li jekk ma tgħaddix għandha l-konsegwenzi politiċi tagħha.

3.    Ma hemmx dubju li ma riedux jisimgħu mir-raġuni.  Riedu jieħdu r-riedni f’idejhom, jimponu fuqna aġenda u ħin limitat għad-diskussjoni.  Hekk ippruvaw jagħmlu u fuq it-tnejn ma rnexxielhomx.  Illum nafu li meta l-maskra nkixfet kellhom ineħħu l-mozzjoni ta’ giljottina.  Kellhom jirtirawha għax il-pajjiż kien fehem li qegħdin, l-ewwel, jagħlqu ħalq il-membri tal-Gvern; it-tieni, li jneħħu d-dritt tal-Gvern li jiddefendi ruħu u, it-tielet, li jagħmlu sarima ma’ ħalq il-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni.  Il-Gvern ma ħassx li għandu joqgħod għal dan.  Stabbilixxa għall-membri eletti fi ħdanu żmien raġjonevoli, però l-Oppożizzjoni baqgħet iżżomm lura lill-membri tagħha milli jitkellmu, ma jmurx jgħidu dak li m’għandhomx.

4.    M’hemmx dubju wkoll li l-poplu fehem li tant il-Partit Laburista ma kellux xi jgħid fuq ħidmet il-Gvern li għażel li l-mozzjoni ta’ sfiduċja jħalliha xotta xotta.  Kif seta’ l-Gvern jiddefendi ruħu jekk l-Oppożizzjoni ma qalet xejn, salv fl-aħħar nett meta kienet ċerta li tagħlaq hija d-dibattitu?  X’metodi demokratiċi huma dawn?  Għala kien hemm daqshekk biża’ u nuqqas ta’ kuraġġ, l-ewwel, li tiddjaloga; u t-tieni, li tħalli lill-membri l-oħra tal-Oppożizzjoni jitkellmu?  Deher ċar li kellhom f’rashom li rnexxielhom jaħdmu kollox bizzilla għax għandhom “strateġija” invinċibbli.

5.    M’hemmx dubju li dawk li qegħdin wara l-kwinti tal-Kap tal-Oppożizzjoni ppruvaw imewtu l-effett tal-mozzjonijiet billi jħallu lilu biss jitkellem.  Diġà kien ċar li ħallew ġimgħa tgħaddi bejn l-effett ta’ ċerti diskorsi u ġibdu l-Konferenza Ġenerali fuq ġimagħtejn.  Diġà għamlu ħilithom sabiex jifirdu l-“ġdid nett” mill-“ġdid” u mill-“qadim nett”, però ħadd ma seta’ jifhem għala d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien kollu fuq ħajtu.  Għal mument erġajna morna lura għad-diskors inizjali tiegħu meta nħatar u stajna naraw li f’erba’ snin ma nbidel xejn, la mill-kontenut u anqas mill-metodu.  Kollox baqa’ statiku.

6.    M’hemmx dubju lanqas li fid-dinja tal-politika hemm dawk li jifhmu x’inhuwa għaddej u dawk li le.  Mexxej politiku, jekk irid juri li huwa kapaċi jidħol għall-piż tar-responsabbiltà jrid juri li huwa kapaċi u li ma daħħalx lilu nnifsu f’dinja oħra.  Kull politiku għandu l-istorja ta’ ħajtu x’jirrakkonta u hemm mument meta dan għandu jingħad, però li tgħidhom issa, b’repetizzjonijiet, jistgħu juru li dak li jkun ikun qed jaħrab mill-problemi u jgħix fid-dinja tal-fatati.  Partit fl-Oppożizzjoni mistenni li għandu l-ħin għal dan, imma jekk mhux qed jutilizzah, joħorġu dawn it-tip ta’ “sotto-strateġiji”.

7.    Fl-aħħarnett, m’hemmx dubju lanqas li l-kuntrast bejn iż-żewġ mexxejja deher ċar nhar il-Ħamis, meta tkellem il-Prim Ministru Lawrence Gonzi.  Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wera ruħu miftuħ għad-djalogu, magħluq għall-impożizzjoni, determinat li jersaq lejn il-vot, kuraġġjuż li jaffronta u mhux jaħrab mill-argumenti.  Irnexxielu jżomm lill-Oppożizzjoni milli twettaq dak li ppruvat tagħmel bil-mozzjonijiet ta’ giljottina.  Irnexxielu jħalli u jiggarantixxi ħin lil kull min ried jitkellem.  Irnexxielu juri li huwa bniedem ta’ esperjenza, kapaċi jaffronta s-sitwazzjonijiet diffiċli u jibqa’ kalm u umli f’ħidmietu.  M’hemmx dubju li l-poplu jagħraf u japprezza dawn il-kwalitajiet f’mumenti daqshekk iebsa.

30.1.12

Il-ħidma tal-kumitati amministrattivi qed tħalli l-frott

Pajjiżna fil-bidu ta’ din is-sena

Robert Visser (xellug), Kap tal-EASO
1.    Hemm tradizzjoni importanti li sena wara sena tiġi miżmuma f’pajjiżna.  Il-Korp Diplomatiku, jiġifieri l-Ambaxxaturi ta’ diversi nazzjonijiet barranin akkreditati magħna, ta’ kull Jannar jiltaqgħu mal-ogħla awtorità Maltija: il-President tar-Repubblika, il-Prim Ministru u l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin.  Fiċ-ċerimonji li jsiru, isiru diskorsi importanti fejn iż-żewġ naħat iħarsu lura lejn is-sena li għaddiet u ‘l quddiem lejn dak li wieħed jipprevedi li jkun ġej.  Għalkemm kif jiġri fil-jum partikolari l-mezzi tal-aħbarijiet jagħtu xi forma ta’ importanza, però ħafna drabi dak li jingħad, jew jintesa, inkella ma jiġix rapportat fis-sħiħ.

2.    Kif inhija l-prattika, il-persuna li jissejjaħ id-Dekan tal-Korp Diplomatiku jitkellem għan-nom tal-Ambaxxaturi kollha.  Id-Dekan huwa n-Nunzju Appostoliku preżenti, Monsinjur Tommaso Caputo, li nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Jannar għamel id-diskors tajjeb tiegħu.  Min kien preżenti seta’ jara kemm f’dak il-jum isir eżerċizzju importanti li permezz tiegħu jsiru riflessjonijiet ta’ ċertu piż.  Ħafna drabi d-diskors tad-Dekan huwa fir-realtà viżjoni ċara ta’ kif jarawna dawk li m’humiex ċittadini ta’ dawn il-gżejjer.

3.    Ħafna drabi aħna stess ma nifhmux sewwa dak li aħna u dak li huwa l-valur li nirrappreżentaw fix-xenarju Ewropew, Mediterranju u internazzjonali.  Għalhekk tajjeb li wieħed jisma’ opinjonijiet iffurmati kif għandhom ikunu biex nisiltu punti li fuqhom nistgħu nieħdu miżuri aqwa biex immexxu ‘l quddiem dan il-poplu.  Ngħid dan għax in-Nunzju Appostoliku ddikjara numru ta’ punti li ser inġib għall-attenzjoni tagħkom.  Huwa f’dan qal “As we carry out day-to-day diplomatic duties, we cannot fail to note that Malta possesses a wealth of human resources, as well as of perennial values.  These, when translated into the public domain, bear witness to the ‘political charity’ which in effect promotes the integral quality of life of a whole people.  Its consequences reach far beyond the shores of these Islands”.  U kompla: “we have seen how solidarity has been the light guiding Your Government in the demanding circumstances of  2011, where both at home and abroad you put into practice this universal principle”.  Ċertifikat mill-iktar ċar u evidenti ta’ dak li wettaqna bil-fatti u li l-pajjiżi barranin iħossuhom fid-dmir li jirrikonoxxu.

4.    Biss dan huwa kollu bbażat fuq il-fatti u mhux fuq l-impressjonijiet jew il-perċezzjonijiet.  Pajjiżna ħa ħsieb jimxi ‘l quddiem u jagħmel atti ta’ solidarjetà mingħajr ma kien rgħib jew li b’xi mod qagħad lura milli jgħin lil dawk li kienu verament fil-bżonn.  Dan in-Nunzju u Dekan irrikonoxxa b’mod l-iktar ċar li ħdimna tajjeb u sehemna kien ferm ikbar mill-qies tagħna jew minn dak li ħaddieħor jippretendi minna.  Jista’ jkun li f’pajjiżna stess ikun hemm min minn fostna jmaqdar dak li għamilna, biss il-fatti huma l-kontra.  Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma.  Veru trid tistennih, imma jitla’.

5.    Di fatti l-Korp Diplomatiku kompla billi faħħarna fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari f’żewġ punti importanti.  L-ewwel, fl-għajnuna li aħna konna kapaċi nagħtu meta ngħad hekk: “It is also well-known how Malta provided assistance in dealing with the influx of illegal immigrants that are still reaching these Islands.  In this respect Your Government, Honourable Prime Minister, has left no stone unturned in invoking international cohesion and burden-sharing in dealing with this phenomenon”.  Fit-tieni punt issir referenza għall-ftuħ tal-Uffiċċju Ewropew għas-Sostenn fil-Qasam tal-Ażil, dak li nafuh bħala l-“EASO”, li seħħ fis-sajf tas-sena li għaddiet.  Fuq dan ingħad hekk: “The European Union’s Asylum Support Office which opened in Malta last June contributes to the task of streamlining asylum policies and improving cooperation between authorities”.

6.    Hemm punti oħra li tqajmu f’dak il-jum, però deherli li għandi niġbed l-attenzjoni għal dawn għax, sfortunatament, hemm min jipprova jnessi.  Mhux biss, huwa daqshekk ieħor importanti li nirreġistraw mal-poplu tagħna li dak li twettaq, u għadu qed jitwettaq minn dan il-Gvern, ħaqqu tifħir.  Ħaqqu li jiġi rikonoxxut u mogħti l-post li rnexxilu jakkwista mhux b’kumbinazzjoni, imma sforz ix-xogħol u d-direzzjoni politika li ta dan il-Prim Ministru li għandna.  Pajjiżna għandu ħafna kredtu barra vantaġġi kbar li m’għandhomx, b’xi mod, jintilfu hawn.


27.1.12

Id-diskors tiegħi waqt id-dibattitu tal-bieraħ fil-Parlament

Dan huwa id-diskors li għamilt jien il-bieraħ fil-Kamra tad-Deputati matul id-dibattitu dwar il-mozzjoni ta' sfiduċja fil-Gvern xotta u bla bażi jew motivazzjoni imressqa mill-Oppożizzjoni. Bħal ma tafu, il-mozzjoni ġiet miċħuda.


Biex tisimgħu il-clip, ikollok bżonn il-plugin neċessarju, bħal Quicktime. Imbgħad kemm tagħfas fuq il-buttuna tal-"play"

26.1.12

Il-Parlament ifakkar il-vittmi tal-Olokawst

Il-bieraħ, il-Kamra tad-Deputati fakkret il-vittmi tal-Olokawst. Il-memorja ta' dan l-att kontra l-umanita m'għandu qatt jintesa u ħadd m'għandu jaħseb li ma jistax jerġa jseħħ.

Dan huwa id-diskors li għamilt jien bħala Kap tal-Kamra.


Biex tisimgħu il-clip, ikollok bżonn il-plugin neċessarju, bħal Quicktime. Imbgħad kemm tagħfas fuq il-buttuna tal-"play"

25.1.12

Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri



1.    Id-dibattitu dwar jekk kemm-il darba pajjiżna għandux idaħħal fis-sistema legali tiegħu reġistru sabiex iservi ta’ protezzjoni għall-minuri minn persuni li wettqu ċertu delitti ilu jsir għal ftit snin.  L-impostazzjoni oriġinali tiegħu kienet marbuta ma’ delitti li huma ta’ natura sesswali.  Dan sar minħabba l-influwenza tal-midja Ewropea u internazzjonali.  F’pajjiżi oħra hemm varjetà ta’ prattiċi amministrattivi u dispożizzjonijiet legali.  Mhux kollha għandhom il-vantaġġi li għandna aħna li kull persuna misjuba ħatja ta’ reat tiġi reġistrata f’dokument li huwa aċċessibbli għall-Pulizija, l-Qrati u l-persuna nfisha.

2.    Għalhekk dak li ġie żviluppat f’pajjiżi oħra jrid jitqiegħed fil-kuntest ta’ x’sistema legali hemm taħdem.  Skont il-liġijiet, skont il-prattiċi legali u l-kultura soċjali nħadmu mekkaniżmi differenti ta’ kif tibni protezzjoni legali aqwa għall-minuri.  Protezzjoni aqwa fis-sens li tibni mhux biss iktar reati kriminali, jew pwieni aqwa li jservu ta’ deterrent, iżda li nkabbru iktar l-effetti tal-piena.  Il-konsegwenzI direttI ta’ sentenza eżekuttiva mogħtija mill-qrati penali jistgħu jmorru f’toroq varji, minn sentenza sospiża sa dik karċerarja, ġewwa l-ħabs.  Però din tista’ legalment tiġi estiża għal konsegwenzi oħra.

3.    Diġà fil-liġijiet tagħna għandna ċerti konsegwenzi, bħal meta persuna misjuba ħatja ma tkunx tista’ tottjeni ċertu liċenzji, bħal dawk fil-kummerċ jew ta’ gwardjan lokali.  Għalhekk ħassejna li għandna nestendu dan il-kunċett sabiex persuni li jinstabu ħatja ta’ numru ta’ reati varji, bħal dawk ta’ natura sesswali fuq il-minuri jew dawk marbuta mat-traffikar ta’ droga, ma’għandhomx jiġu mpjegati jew imqabbda fi dmirijiet fejn hemm il-kura tat-tfal.  Il-mekkaniżmu legali li minn nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Jannar ġie fis-seħħ huwa wieħed dirett, sempliċi, bilanċjat u ndirizzat sabiex jipproteġi lill-minuri.

4.    Issa l-Qorti Kriminali tista’ f’sentenza tagħha, fejn issib ħtija ta’ reati li l-liġi tqis li l-minuri huma l-vittmi diretti tordna li isem dik il-persuna jitqiegħed f’reġistru separat.  Dan ir-reġistru ser ikun miżmum fis-Sezzjoni Volontarja tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u m’huwiex aċċessibbli għall-publiku liberament.  Jistgħu jingħataw informazzjoni minnu dawk li, bil-liġi, jissodisfaw lill-Imħallef li jippresjedi dik l-Awla li għandhom interess proprju għax ser jimpjegaw lil xi ħadd magħhom li f’idejh ser ikollu l-kura tat-tfal bħal fi skola jew f’xi organizzazjoni oħra.

5. Dan ifisser li min jinsab b’ismu fuq dan ir-reġistru ma jistax isib impjieg f’dawk il-postijiet u għalhekk jaf li, jekk japplika, mhux ser jiġi impjegat u anzi ser jikxef lilu nnifsu.  Dan għax il-liġi stess qegħdha tobbliga lil min imexxi, per eżempju skola, li qabel ma jimpjega jmur jistaqsi fir-reġistru.  Jekk ma jagħmilx dan, allura jkun qiegħed jikkommetti reat, apparti mill-fatt li jkun qed jixħed dell ikrah fuq l-istituzzjoni li jkun huwa stess qiegħed imexxi.  Aparti dan il-mekkaniżmu ġdid, il-liġi ħadet ħsieb timxi pass ieħor ‘l quddiem.

6.    Il-liġi qegħda, għall-ewwel darba, timponi obbligu legali sabiex fejn ikun hemm każ li seħħ delitt fil-post fejn qed issir l-edukazzjoni tal-minuri, min qiegħed imur huwa obbligat li jirrapporta dan il-fatt lill-Kummissarju tal-Pulizija.  Dan ir-reat qiegħed jingħaqad ma’ diversi oħra li ressaqna s-sena li għaddiet u ġew diġà fis-seħħ sabiex il-minuri jiġu protetti aħjar.  Dan għalija huwa pass ‘il quddiem u tajjeb.  Iktar u iktar meta wieħed jikkunsidra li diġà, il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet li l-leġislazzjoni tagħna hija fost l-aqwa.  Fortunatament, pajjiżna għamel passi kbar ‘il quddiem f’diversi materji u partikolarment sabiex jiddefendi aħjar lil uliedna lkoll.

24.1.12

Ħmistax-il jum interessanti

1.    Kemm huwa minnu dak li jgħidu li l-jum fil-politika huwa itwal minn dak normali.  Inħares lura lejn l-aħħar sebat’ijiem u ‘l quddiem lejn dawk li ġejjin.  Fuq dak li seħħ nistgħu nitkellmu ferm aħjar milli fuq dak li għadu le, għalkemm nibqgħu nipprospettaw u nħarsu ‘l quddiem.  Kienet ġimgħa mimlija attività.  Bdejt biż-żewġ laqgħat ġewwa l-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra li fihom stajt immiss b’idejja kemm, fi ħdan il-Parit Laburista, it-temperatura politika telgħet ‘il fuq.  Pressjonijiet, deċiżjonijiet u direzzjonijiet li ħarġu ndikawli b’mod mill-iktar ċar li ġewwa dak il-partit għaddejjin kurrenti qawwija. 

2.    Il-pożizzjoni min-naħa tagħna kienet ċara mill-bidu.  Mozzjoni ta’ sfiduċja mhux ser naħirbu minnha.  Naffrontawha, nieħdu sehem fiha u fl-aħħar, nivvutaw.  F’ebda mument ma ndikajna l-kontra.  Jekk però, l-Oppożizzjoni kienet mgħaġġla sabiex taħsad l-affarijiet malajr, aħna konna determinati nagħmlu l-passi tagħna b’iktar direzzjoni u kalma.  Direzzjoni għax mozzjoni bħal din, li kont għidt ċar li kienet titqiegħed fuq l-aġenda parlamentari, trid li ssegwi mhux is-sistema tal-giljjottina imma dik demokratika.  Mhux dik li tnaqqas l-użu tar-raġuni, iżda li tippermettiha.

3.    Hawn xi ħadd li jista’ jagħti tort lill-Gvern li jesiġi s-serjetà u li jeżerċita d-dritt leġittimu u sagrosant tiegħu li jiddefendi ruħu?  Hemm pajjiżi li m’humhiex demokratiċi u hemm ukoll bnedmin li huma anti-demokratiċi li jippretendu li jgħodd biss dak li jgħidu huma u jiddettaw lil ħaddieħor x’għandu jagħmel.  Dawn is-soltu ssibhom iressqu proposti li bihom ineħħu jew jillimitaw id-dritt tal-libertà tal-espressjoni ta’ min ma jaqbilx magħhom  Fortunatament, il-pajjiż jaf biċ-ċert li l-Partit Nazzjonalista, kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi, ma marx lura mill-prinċipji demokratiċi tiegħu.  Huwa miftuħ għall-konvinzjoni, iżda magħluq għall-impożizzjoni.

4.    Dan deher iktar tul dawn il-jiem meta d-diskussjoni fuq is-sitwazzjoni politika saret b’intensità u b’attenzjoni fi ħdan il-partit.  Il-Grupp Parlamentari ltaqa’ darbtejn, iltaqa’ l-Eżekuttiv u issa fl-aħħar tal-ġimgħa li ġejja ser ikollna l-Kunsill Ġenerali.  Kull min ried ħa sehem u kull min irid jista’ jsemma’ leħnu.  Il-partit ma ppruvax jiġri, anzi wisq u wisq inqas ma daħal f’mekkaniżmi ta’ kundanni jew diskors vojt jew żbaljat.  Id-demokrazija li nemmnu fiha titlob diskussjoni kalma li ssir, kif għidna u kif għandha ssir – bil-kalma u bl-irġulija.

5.    Il-poter narawh bħala responsabbiltà, piż, salib li wieħed irid iġorr u  mhux mod ieħor għax inkella ninħakmu.  Huwa strument u għodda mhux għall-vanaglorja, iżda sabiex bih titwettaq is-sewwa.  Biex dan iseħħ hemm bżonn attenzjoni, formazjoni u esperjenza.  Biex tmexxi pajjiż trid mhux biss talenti tajbin jew kampanji propagandistiċi tajba, iżda trid titbaskat taħt id-direzzjoni tal-fuħħari.  Proprju għax il-Prim Ministru Lawrence Gonzi għandu talenti tajbin li qegħdin nimxu ‘l quddiem b’riżultati mill-iktar pożittivi għal pajjiżna, huma x’inhuma l-isfidi li kkonfrontajna u jonqosna nikkonfrontaw.

6.    Fl-aġġornament tas-seduta tal-Erbgħa, elenkajt id-diversi abbozzi ta’ liġijiet li jinsabu pendenti fil-Parlament, sija fit-tieni stadju, kif ukoll quddiem il-Kumitat għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet.  Fl-istess waqt, tul il-ġimgħa kellna kwantità kbira ta’ riżultati pożittivi u, fl-istess ħin, inizjattivi ġodda.  Ma’ kull ġurnata, kull Ministeru ħa ħsieb jindika b’mod mill-iktar ċar li dan huwa Gvern ħaj, mimli enerġija u attenzjoni sabiex il-pajjiż u l-poplu jkomplu jikbru u jissudaw ruħhom minkejja d-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet finanzjarji.  M’hemmx dubju li l-jiem parlamentari li ġejjin ser ikunu interessanti, però fl-istess ħin irridu nkomplu nagħmlu ħilitna għall-ġid komuni.  Insegwu b’konvinzjoni l-eżempju tal-omm it-tajba quddiem Salamun.

7.    Nagħlaq billi nirringrazzja lil kull min daħal fil-blog tiegħi fuq carmmifsudbonnici.blogspot.com u qara dak li hemm għar-riflessjoni politika.

20.1.12

Żjara fir-Reġistru tal-Artijiet

Għadni kif ġejt mir-Reġistru tal-Artijiet fejn kelli l-opportunità u l-pjaċir li ndur is-sezzjonijiet varji tiegħu.  Id-Direttur Ġenerali Dr Stephanie Pappalardo, flimkien man-Nutar Keith F. German, Direttur, dawruni mal-post u f’kull sezzjoni stajt nara x-xogħol interessanti u impenjattiv li jsir fir-reġistrazzjoni tal-artijiet.  

F’dawn is-snin sar avvanz kbir bl-użu tat-teknoloġija moderna li tqegħdet għas-servizz tal-esiġenzi ta’ soċjetà moderna bħal tagħna.  Ser nibqgħu impenjati naħdmu fuq il-linja t-tajba li l-Ministri ta’ qabli, Tonio Borg u Austin Gatt, fasslu.  M’hemmx dubju li dan jista’ jsir mertu tal-ħidma attenta u metikoluża ta’ diversi persuni dedikati fir-Reġistru.

Tintbgħat aktar għajnuna lejn il-Libja


Dal-għodu attendejt għal ċerimonja sabiħa fiċ-Ċentru tal-Għajnuna Umanitarja tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fil-Marsa. Ammont kbir ta’ kutri, ħwejjeġ u żraben ġodda tgħabbew f’żewġ kontejners sabiex jintbgħatu lejn il-belt Libjana ta’ Bengazi.

Dan huwa sinjal ieħor ta’ solidarjetà li din il-gżira sammaritana qed tkompli twettaq mal-poplu Libjan. Permezz tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ittieħdu diversi inizjattivi varji sabiex jintbgħatu ilma u mediċini fil-Libja apparti mill-ħidma li saret sabiex jinħarġu ċittadini Maltin u barranin mil-Libja.

Nirringrazzja għalhekk lill-kumpannija Medavia li ser toħroġ l-ispejjez għat-trasport ta’ dawn l-oġġetti, lill-membri kollha tal-Protezzjoni Ċivili immexxija mid-Direttur Patrick Murgo u lill-poplu Malti għal din il-ħidma.

19.1.12

Ġiet irtirata

Kull sforz tal-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex jaħbi l-fatt li l-Partit Laburista bħal għada ġimgħa ppreżenta mozzjoni ta’ giljottina, li wara kellu jirtira, huwa inutli.

Il-poplu jaf li saret mozzjoni sabiex il-membri parlamentari ma jkunux jistgħu jitkellmu salv għal 75 minuta kull naħa.  Bħal dawn kienu jsiru spiss fi żmien is-soċjaliżmu ta’ bejn l-1971 u l-1987.  Niftakruhom.

L-agħa tal-pajjiż lejn dan l-aġir wassal lill-Oppożizzjoni sabiex iddur lura u tirtira l-mozzjoni.  L-ewwel inkixfet fl-arroganza tagħha u wara kellha tmur lura minnha.  Kont strument sabiex dan seħħ.

Dawn huma l-fatti.  Ebda tidwir ieħor ma jaħbi l-aġir żbaljat u l-umiljazzjoni li ġiet wara.  Il-Gvern wassal il-punt u żamm il-prinċipju.

Child offenders register comes into force this week


Dr Mifsud Bonnici also referred to a report on fireworks commissioned by his ministry and published late last year.

He praised those who had written the report and said that several actions would be taken.
All those holding the A licence - who were thus responsible for fireworks factories - would be handed a copy of the report so that they could clearly understand what was happening and what was expected of them.

There would then be a consultation process and all those who wished to suggest how this sector could be improved would be invited to contribute.

The consultation process would be followed by a national conference leading to a roadmap of short term, medium term and long term amendments to the laws regulating fireworks. Dr Mifsud Bonnici recalled various measures which had already been taken, such as improved licence requirements and less powerful fireworks.

However, more remained to be done. 

Most of the people active in the production of fireworks were very responsible persons, but it was important that they were kept up to date with scientific developments, he said. For example, there had been a recent fireworks factory explosion in Italy, from which the local manufacturers could learn.

Dr Mifsud Bonnici thanked Dr Michael Falzon MP, legal adviser of the Pyrotechnics Association, for his help.

18.1.12

Il-Kumitat għall-Affarijiet tal-Kamra - X'ġara fl-aħħar laqgħa

Nhar it-Tnejn li għaddew, tlaqqa il-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet tal-Kamra sabiex jipprepara l-aġenda tal-Parlament wara li l-Oppożizzjoni ressqet żewġ mozzjonijiet, b'waħda minnhom tkun ta' sfiduċja fil-Gvern.

Qed ninkludi siltiet minn din il-laqgħa f'dan il-blog post. Inħalli f'idejkom biex tiġġudikaw.

Biex tisimgħu il-clip, ikollok bżonn il-plugin neċessarju, bħal Quicktime. Imbgħad kemm tagħfas fuq il-buttuna tal-"play"

Il-Kunsilli Lokali

1.    Ftit snin ilu kelli l-opportunità u x-xorti li nara mill-viċin kif jaħdem id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.  Dipartiment xejn faċli, anzi mimli b’diversi sfidi u kumplikazzjonijiet, speċjalment għall-membri tas-servizz pubbliku.  Il-Kunsilli li għandna, fil-verità jvarjaw bejn dawk li jittrasformaw ruħhom f’kampi tal-battalja politiċi u oħrajn fejn il-Kunsilliera jaħdmu id f’id, jippruvaw jibdlu l-lokalità tagħhom.  Ir-realtà hija li l-maġġoranza tagħhom bnew fuq il-ħidmiet passati anke jekk xi wħud minnhom, is-Sindki u l-Kunsilliera, saru kważi indispensabbli.  Għalhekk, fejn ikun hemm l-inkwiet, is-sitwazzjoni għad-dipartiment ma tkun faċli assolutament xejn.

2.    Din is-sena dħalt lura f’din il-linja ta’ ħidma politika.  M’hemmx dubju li fl-erba’ snin li għaddew, il-ħidma tal-Ministru Chris Said kienet qegħda hemm.  Diversi proġetti u programmi jidhru għaddejjin.  Uħud niftakarhom jibdew, oħrajn rajthom mill-kamra tal-Kabinett jibdew u jimmaterjalizzaw.  M’hemmx dubju li l-emendi li daħlu fis-seħħ kmieni f’din il-leġislatura għamlu differenza.  Niftakar l-emendi u d-diskussjonijiet magħhom fil-leġislatura ta’ qabel.  Kien hemm żgur mumenti ta’ riflessjoni li wasslu lejn iktar issudar tat-trasparenza u l-akkontabilità li wieħed għandu jippretendi.

3.    Tul din il-ġimgħa stajt nara direttament li l-koperazzjoni bejn id-dipartiment u l-Kunsilli varji kibret.  Is-servizz tal-Kunsilliera varji hemm bżonn li jiġi valutat u, fl-istess ħin, imtejjeb.  Inħares ‘il quddiem sabiex naraw li l-Kunsilliera, is-Segretarji Eżekuttivi u l-impjegati jingħataw iktar taħriġ sabiex jifhmu aħjar l-għodda li hemm għad-dispożizzjoni tagħhom.  Illum il-Kunsilli qed jittrasformaw ruħhom iktar u iktar bħala strumenti ta’ bidla fl-abitat, fl-ambjent u f’dak kollu li hemm bżonn li jinbidel.

4.    Fil-ħidma ta’ kuljum żdiedu l-fondi li huma għad-dispożizzjoni tal-Kunsilli: l-ewwel, permezz tal-allokazzjoni diretta tal-Gvern, kif ukoll fid-diversi possibilitajiet li qed jimmaterjalizzaw ruħhom mill-Unjoni Ewropea.  L-iskrutinju neċessarju f’din id-direzzjoni kiber, però hemm lok għal iktar ħidma hawn, speċjalment wara d-diversi punti u osservazzjonijiet li saru mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.  Dawn m’għandhom jiġu b’ebda mod injorati, anzi hemm lok ta’ iktar attenzjoni sabiex tikber iktar l-akkontabilità.  Qegħdin nitkellmu fuq flus li jiġu direttament fdati f’idejn din il-forma legali ta’ demokrazija amministrattiva li m’għandhiex tiġi traskurata.

5.    Huwa determinanti li l-kwalità tal-Kunsilliera tkompli tikber.  Dawk li jitressqu ‘l quddiem mill-partiti varji sabiex jagħtu dan is-servizz huwa vitali li jkunu preparati tajjeb, iktar milli jkunu partitarji.  Il-kwalità tal-politika Maltija tikber appena tassigura li iktar ċittadini jidħlu bi preparazzjoni.  Huwa fir-realtà proċess ‘il quddiem.  Għax hemm żgur bidla f’din id-direzzjoni għal titjib li hemm żgur il-bżonn li jitkompla.  Jitkompla iktar u iktar f’dan ix-xenarju partikolari quddiem l-appuntament elettorali ta’ numru sostanzjali tal-Kunsilli lokali tagħna.

6.    Il-fatt li t-terminu tal-“leġislatura” tal-Kunsilli żdied, kif ukoll li naqqasna mill-akkaniment politiku b’votazzjonijiet kull sena u b’tibdil kull tlett snin wassal lejn ferm iktar ħidma u stabilità.  Il-Kunsilli lokali huma żgur passi importanti lejn iktar parteċipazzjoni demokratika.  Din id-demokrazija amministrattiva trid tkompli tiġi kkultivata.  Għaddew diġà erba’ snin mill-aħħar emendi u, bħal ma ġara f’dawk li saru qabel, hemm bżonn ta’ riflessjoni lejn numru ta’ tibdiliet ġodda.  Nittama li dan il-proċess jinbeda minnufih għax permezz ta’ dan inkunu nistgħu nkomplu nagħmlu mill-Kunsilli lokali għodda għas-servizz tal-bnedmin.

16.1.12

Kalma, umiltà - paċi u stabilità

1.    F’dawn l-aħħar jiem, ix-xenarju politiku għadda minn mumenti interessanti.  Dawk li ġejjin, m’hemmx dubju li ser ikomplu jimmeritaw l-attenzjoni tal-poplu u tal-pajjiż.  Huwa mill-iktar evidenti l-kuntrast f’dak li qed jiġri.  Il-Partit Laburista mitluf jiġri kemm jiflaħ, tilef rasu u fl-eċċitament tal-mument għandu issa f’moħħu li, huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi tal-pajjiż, irid bilfors jisforza elezzjoni ġenerali.  Il-Partit Nazzjonalista żamm il-kalma u baqa’ saqajh mal-art.  Il-konsiderazzjonijiet politiċi huma ħaġa, però l-ġid tal-poplu huwa ferm iktar importanti.

2.    Nistqarr li skantajt kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, li beda fuq triq tajba li kienet qed tindika bidu ta’ sinjali ta’ maturità, qabad u biddel ħabta u sabta.  Fil-fatt, fil-ġimgħa li għaddiet beda b’linja ta’ kawtela u attenzjoni.  M’hemmx dubju li hemm l-odjożità ta’ dawn iċ-ċirkostanzi u mexxej ġdid irid joqgħod ferm attent f’dak li qed jagħmel għall-eventi tal-futur.  Sa dak il-ħin kienet qegħda tingħata l-impressjoni li l-partit f’idejh però iktar tard, preċiżament il-Ġimgħa filgħodu dan kollu, ħabta u sabta, dar.

3.    Minn linja ta’ attenzjoni, f’daqqa waħda deher ċar li l-irwiefen daru u dak li kien ilu jirreżisti, għelbu.  Fil-grupp parlamentari jidher li l-parti l-antika u maġġoritarja dawret minn attenzjoni għal sogru u riskju.  Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet li saru mill-Kap tal-Oppożizzjoni nbidlu minn “le” għal “forsi” għal “iva”.  M’hemmx dubju li wara dan hemm membri li għandhom il-leblieba għall-poter, dawk li ġejjin mill-paġni tal-istorja ta’ dawn l-aħħar tletin sena, li għadhom jiddominaw u mir-riżultati jiddettaw kif u x’għandu jagħmel.

4.    Il-kalma, ir-raġuni li għandhom jiggwidaw mexxejja politiċi f’mumenti bħal dawn ma tantx rajthom jirbħu fil-Partit Laburista.  Anzi, hemm għaġġla, rabja u bżonn evidenti ta’ deċiżjoni politika li flok issir kif għandha ssir, issir bil-ħatfa, “snatch and grab”.  Ħadd ma jista’ b’xi mod jgħid li s-sitwazzjoni politika hija faċli, biss kif tersaq lejha, kif taffrontaha huwa determinanti sija għall-pajjiż, kif ukoll għall-kredenzjali ta’ min imexxi.  Ngħid dan għax minflok, fuq in-naħa l-oħra nara l-aġir umli, kalm, determinat u ffukat li l-Prim Ministru żamm il-ħin kollu.

5.    Flok ma telaq jiġri, kif seta’ għamel, flok ippreċipita b’mozzjonijiet ta’ malajr, tal-għaġġla, ħa ħsieb li jimxi bil-kawtela dovuta.  Anzi, minkejja l-baħar imqalleb żamm lilu nnifsu ffukat, jaħdem għall-ġid tal-poplu u fl-istess ħin jara li s-suġġett jiġi diskuss u dibattut fil-partit, kif inhuwa xieraq u mistenni minn mexxej tajjeb u sod.  Ħadd ma jista’ b’xi mod jiċħad il-fatt li Lawrence Gonzi ra inkwiet politiku ferm iktar qawwi minn dawk li ġew qablu u daqstant ieħor ħadd ma jista’ jiċħad li żamm il-kalma u l-paċi interna tiegħu.  Anke l-viżta tiegħu barra, li xi wħud ikkritikaw, kienet indikazzjoni mill-iktar ċara li dmiru jrid ikompli jwettqu.  Hija ħasra li bil-mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni l-ġid ekonomiku li kien ser jinġieb, issa mertu ta’ dan l-aġir żbaljat, ser jintilef.

6.    Meta x-xenarju politiku jibda jbaqbaq b’iktar intensità mis-soltu, l-mexxej it-tajjeb irid joqgħod attent li ma jitkaxkarx u minflok jaġixxi bil-kalma, bir-raġuni, fil-paċi, ma jitlifx rasu u jintilef fl-ordni tal-prijoritajiet veri.  Il-Gvern għamel diġà ferm u ferm iktar minn ħaddieħor.  Żamm l-ekonomija għaddejja, żamm id-dinja tax-xogħol tikber, assigura li l-benefiċċji soċjali mhux talli ma jitnaqqrux, imma jiżdiedu.  Tant dan huwa minnu li l-mozzjoni ta’ sfiduċja tal-Oppożizzjoni hija xotta daqs il-frawli, ma għandha ebda motivazzjoni, ebda raġuni, ebda aġir gravi.  Anzi, hija proprju ċertifikat favur ħidmietna.  Anki f’dawn il-jiem, il-partiti u l-kapijiet tagħhom jikxfu dak li huma.  Huwa mill-iktar evidenti li Lawrence Gonzi baqa’ kalm u umli u l-poplu jaf li fuq dawn il-kwalitajiet jitkattru l-paċi u l-istabilità.




13.1.12

Rikonoxximent lill-Pulizija għal ħidmiethom


Nhar il-Ħadd li għadda attendejt għall-attività annwali fil-Korp tal-Pulizija li fiha jiġu rikonoxxuti l-Pulizija, l-għases u d-distretti li jkun ħaqqhom mertu għall-ħidma distinta li tmur oltre d-dmirijiet tagħhom.  Wara l-quddies ħadt pjaċir nara d-diversi uffiċjali jingħataw dan il-ġieħ.  Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nara li l-Korp tul dawn is-snin kompla javvanza u jitjieb. 

Fl-aħħar kelli l-opportunità li ngħalaq l-okkażjoni b’diskors qasir li fih inkoraġġejt u rringrazzjajt lill-Korp kollu ta’ ħidmitu, partikolarment matul l-aħħar perijodu tal-festi li matulhom ix-xogħol għall-forzi tal-ordni jiżdied bil-bosta.

Il-Konvenzjoni ta’ Budapest

1.    Tul sena ħidma tispiċċa twettaq diversi passi li mhux dejjem ikollok l-opportunità li titkellem dwarhom.  Numru ta’ drabi nagħmel użu minn dawn l-artikoli però mhux dejjem jirnexxili.  Fil-fatt, is-sena li għaddiet ġibna madwar 38 avviżi legali fis-seħħ u kellna 5 abbozzi ta’ liġijiet li tqegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra għad-diskussjoni.  Fost din il-ħidma leġislattiva kellna wkoll tlett mozzjonijiet f’daqqa li permezz tagħhom ġew ratifikati numru ta’ konvenzjonijiet.

2.    Konvenzjoni partikolarment importanti li ġiet hekk ratifikata kienet dik tas-Cybercrime.  Konvenzjoni li nbdiet fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u li irnexxielha tasal sabiex tistabbilixxi regoli legali li qabel ma kienux jeżistu f’settur mill-iktar delikat u diffiċli.  Dan għax is-settur tal-internet li ġie ġenerat u żviluppat b’daqshekk qawwa, ġieb miegħu wkoll inkwiet u illegalitajiet li qabel ma kienx hemm.  Bħalma oġġett jista’ jiġi użat għat-tajjeb, daqshekk ieħor jista’ għall-ħażin.  Il-kompjuter huwa għodda importanti fid-dinja teknoloġikament avvanzata li għandna llum.

3.    Fit-23 ta’ Novembru 2011 ġiet konkluża din il-konvenzjoni li permezz tagħha beda proċess li beda jimmarka kontroll f’punti determinanti li kellna.  Il-bażi tad-dokument huwa mibni fuq il-prinċipju lijekk kull Stat li ffirma u rratifikaha jdaħħal fil-liġijiet tiegħu numru ta’ reati, allura jkun hemm front magħqud internazzjonalment li jassigura li min jabbuża jiġi mressaq quddiem il-qorti mixli b’reati kriminali.  Dan huwa parti mid-Dritt Pubbliku Internazzjonali fis-settur penali li qiegħed biċċa biċċa jikber u jiżviluppa ruħu.

4.    L-attakk prinċipali fl-artikolu 9 tal-konvenzjoni huwa mmirat kontra l-pornografija tal-minuri.  Il-produzzjoni għall-iskop ta’ distribuzzjoni, li toffri jew tagħmel għad-disposizzjoni (dejjem permezz tal-kompjuter) pornografija, huma punibbli.  Fuq dan fis-sena 2010 għaddejna mill-Parlament numru ta’ artikoli ġodda li daħħalna fil-Kodiċi Kriminali, li ġibna fis-seħħ u terġa’, morna oltre.  Għalhekk hemm issa artikoli iktar b’saħħithom li mhux biss jassiguraw li jkollna linja ċara u diretta kontra l-pornografija, imma wkoll kontra l-issolleċitar fuq l-internet għall-prostituzzjoni immorali, kif ukoll għall-hekk imsejjaħ “turiżmu sesswali”.

5.    Fil-fatt, fl-Att VII tal-2010 rnexxielna ngħollu l-livell tad-difiża kontra l-użu żbaljat tal-mezzi tal-komunikazzjoni biex nipproteġu l-minuri.  Fuq dan, l-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet dan il-pass is-sena li għaddiet u faħħret lil pajjiżna li qiegħed ferm iktar ‘il quddiem minn diversi Stati Ewropej oħra.  Id-difiża tal-minuri kienet u tibqa’ prijorità għalina, jiġi minn fejn jiġi l-attakk lejhom, speċjalment fis-settur tal-pedofelija u l-pornografija.  Ġew meħuda deċiżjonijiet tajba fis-snin li għaddew, ma hemmx dubju, u pajjiżna qiegħed igawdi minnhom.

6.    Il-Konvenzjoni ta’ Budapest għalhekk irnexxielha timmarka passi determinanti ‘l quddiem.  L-Ewropa, li fortunatament għandha f’idejha strumenti politiċi li ebda kontinent ieħor ma għandu, irnexxielha tmexxi u tistabbilixxi livelli legali li qegħdin fuq quddiem.  Dan ġieb ukoll Stati oħra bħall-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti biex jipparteċipaw u jmorru lejn l-istess direzzjonijiet.  Pajjiżna fortunatament qiegħed hemm, ma’ dawn l-Istati, parteċipant attiv u kapaċi jagħti sehmu.  Il-Konvenzjoni ta’ Budapest hija l-ewwel pass ‘il quddiem.  Nittamaw li dan il-proċess ma jieqafx hawn, imma jkompli għaddej għax hemm żoni oħra tat-teknoloġija moderna li jimmeritaw attenzjoni u leġislazzjoni.

10.1.12

Pajjiż avvanzat sew

1.    Il-poplu tagħna llum qiegħed jgħix u jgawdi minn vantaġġi li qatt qabel ma kellu.  Anzi, dawk li raw żminijiet oħra jafu kemm għaddejna minn kumplikazzjonijiet politiċi li wasslu sabiex nitilfu d-demokrazija tagħna.  F’dawn is-snin li dan il-pajjiż ilu jiġi mmexxi mill-Partit Nazzjonalista, s-sitwazzjoni nbidlet.  Illum m’għadniex ngħixu f’ambjent żbaljat imma f'wieħed li huwa avvanzat, liberu, korrett, ġust u demokratiku.  Hemm min jipprova jmaqdar, iċekken u jkerraħ dak li ngħixu, fortunatament kuljum fih, però l-fatti huma kompletament differenti.

2.    Għandna għalfejn inkunu kburin li fi ftit snin l-istituzzjonijiet demokratiċi mhux talli ma marru bl-ebda mod lura, anzi avvanzaw il-ħin kollu.  Il-pajjiż, l-Istat Malti llum għandu l-Uffiċċju tal-Ombudsman, dak tal-Awditur Ġenerali, il-Kunsilli Lokali, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni, li qabel ma kellux.  Il-membri ta’ din is-soċjetà għandhom rimedji li huma għad-dispożizzjoni tagħhom li jkomplu jżidu l-garanziji li għandna jkollna.  Li hu ċar hu li l-Gvern ma baqax lura milli jkompli jissoda d-demokrazija, imma baqa’ sena wara sena jintroduċi mekkaniżmi ġodda u jirfina u jikkoreġi dak li ġieb fis-seħħ.

3.    Ħadd ma jista’ jiċħad li għandna libertà tal-espressjoni mill-iktar qawwija.  M’għadniex fiż-żmien meta l-gazzetti kienu ftit u mhedda u fejn kellna stazzjon wieħed tat-televiżjoni u tar-radju dominati mill-Partit Laburista.  Kuljum, barra minn abbundanza ta’ gazzetti għandek kwantità ta’ stazzjonijiet u ġurnali elettroniċi li qatt qabel ma kellna jew rajna.  Is-sabiħ ta’ dan huwa li flok jonqsu qegħdin il-ħin kollu jiżdiedu.  Il-parteċipazzjoni fil-politika ma naqsitx bħal ma anqas ma naqset dik li wieħed jagħti sehmu u l-opinjoni tiegħu fuq dak kollu li huwa għaddej.  Il-libertà mingħajr ebda forma ta’ biża’ jew theddid ta’ xejn.

4.    L-istess irid jingħad fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.  Fi żmien ieħor ma kienx hemm dan ir-rispett u wisq anqas il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet.  Pajjiżna ra ħafna vjolazzjonijiet f’dan is-settur u b’mod partikolari mill-istess gvern li ma kienx jara bħala prijorità li jħaddan din id-difiża tal-bniedem fid-dinjità tiegħu.  Mill-1987 ‘l hawn is-sitwazzjoni nbidlet fi tlett direzzjonijiet prinċipali: l-ewwel żdiedu fin-numru u fil-kwalità d-drittijiet fundamentali tal-bniedem f’dan il-pajjiż; it-tieni, li l-Gvern ma baqax wieħed li jirfes dawn id-drittijiet; u t-tielet li l-Qrati tagħna ġew issudati sabiex jipproteġu b’mod effikaċi u effettiv liċ-ċittadini tiegħu.

5.    Wara li taqra ċerti artikoli u tisma’ xi wħud jitkellmu u jagħżlu li dan kollu jinjorawh, trid bilfors twieġeb. Jitkellmu bħallikieku d-demokrazija jew ma teżistix jew qegħda titnaqqar, mentri r-realtà hija kompletament differenti.  Altru l-ġudizzji li jingħataw minn min ma janalizzax sewwa u bi kriterji xjentifiċi u altru ta’ dawk li jiflu sew dak li għandna.  Filwaqt li l-Oppożizzjoni spiss titlaq tiġri f’din id-direzzjoni u ssib uħud li jemmnuha, fuq in-naħa l-oħra hemm rapport li jiġi preżentat kull sena mill-“Economist Intelligence Unit” li jiċċertifikana mal-aqwa fid-demokrazija.

6.    Din is-sena, bħal ta’ qabilha, l-“Economist” fid-“Democracy Index” ikklassifikana fil-15-il post.  Jiġifieri aħna niġu preċiż qabel pajjiż bħall-Ingilterra, l-Istati Uniti, il-Belġju u Spanja u mgħoddija mal-quċċata ta’ Stati li jgawdu d-demokrazija.  Mill-2008 ‘l hawn tlajna post ‘il fuq: mis-16 għall-15-il post.  Qabilna hemm in-Norveġja, l-Iżlanda, id-Danimarka, l-Isvezja, New Zealand, l-Awstralja, l-Isviżżera, il-Kanada, il-Finlandja, l-Olanda, il-Lussemburgu, l-Irlanda, l-Awstrija u l-Ġermanja.  Aħna ningħataw punteġġ ta’ 8.28%, il-Ġermanja 8.34% u l-Awstrija 8.49%.  Li hu iktar interessanti hu li pajjiżna jingħata l-punteġġ ta’ 9.17% għal-Libertajiet Ċivili, mentri l-Ingilterra ngħatat 9.12%.  Mhux ħażin għal pajjiż li l-Oppożizzjoni moħħha biex tgħid kemm m’għandux drittijiet ċivili u kemm għadna lura ma pajjiżi iktar moderni u progressivi minna!  Dan ir-rapport, sfortunatament indifen mal-aħbarijiet tal-aħħar tas-sena, però huwa ndikatur mill-iktar qawwi li d-demokrazija hija soda u b’saħħitha.

9.1.12

Tifkira ta' Renato Agius Muscat

Il-bieraħ kien l-ewwel anniversarju mill-mewt tal-għażiż Renato Agius Muscat.  Persuna mill-aqwa li għamel ħafna ġid lill-proxxmu.  Il-jum tal-bieraħ, bl-attività li kellna, ma ppermettilix nikkommemorah u għalhekk xtaqt nagħmel dan billi nerġa’ nġib għad-dispożizzjoni tagħkom dak li kont ktibt mill-qalb meta ġie nieqes.

Tlifna raġel 

1.    Il-Partit Nazzjonalista huwa magħmul, fil-qalba tiegħu, minn ġabra ta’ persuni li taw u għadhom jagħtu sehemhom mhux għall-interess personali tagħhom imma għall-ġid tal-poplu u tal-pajjiż.  Bnedmin li ma ħallewx l-egoiżmu jirbaħhom, u li lanqas ma ħallew lilhom infushom jintrebħu minn dawk li jħarsu biss kif ser jagħmlu azzjonijiet ħżiena lil dak u lill-ieħor.  Dawn huma l-persuni li ssagrifikaw lilhom infushom u lill-familji tagħhom sabiex jaraw lil dan il-pajjiż joħroġ miż-żmien iebes li kien fih u jaraw li d-dinjità tagħna bħala poplu terġa’ tingħatalna lura.  Maltin bħalna, li lkoll nirrikonoxxu bħala rġiel fil-veru sens tal-kelma.

2.    Għad għandi quddiem għajnejja d-diversi bnedmin li taw sehemhom fl-iktar mument iebes tal-ħajja storika tal-Istat indipendenti u repubblikan tagħna.  Il-persuni li, minkejja l-vjolenza, minkejja l-ġlied, minkejja l-intolleranza, minkejja d-diskriminazzjoni politika li kienu jgħaddu minnha l-ħin kollu, flok ċedew l-armi iktar issudaw lilhom infushom.  Iva, f’dawk is-snin tad-dlam stajna naraw min kellu għal qalbu l-prinċipji tas-sewwa u min ma kellux.  Min ma kienx kapaċi jżomm sod u min tkaxkar bit-tentazzjonijiet li ħaddieħor kien daqshekk kapaċi jittantah bihom.  Kellna għalhekk lil dawk li żammew l-għeruq tagħhom fil-prinċipji nsara li twieldu fihom, u li bihom baqgħu jiddistingwu ruħhom tul ħajjithom kollha.

3.    Renato Agius Muscat hekk kien.  Kien dak il-persuna umli, onest u riservat li ma qagħadx joqgħod jikkalkula x’jaqbel u x’ma jaqbilx lilu, imma li xeħet lilu nnifsu għas-servizz tal-Partit Nazzjonalista sabiex jagħmel il-ġid.  Kien persuna li fl-Elezzjoni Ġenerali tbaqbaq tal-1987 kien ġie elett minn fuq it-Tielet Distrett Elettorali, minn fuq ir-raħal għażiż għalih ta’ Ħaż-Żabbar.  Kienet elezzjoni mill-iktar kerha.  Kienet elezzjoni li fiha l-Gvern baqa’ hemm, imwaħħal mas-siġġu tal-poter sal-aħħar jum li l-Kostituzzjoni tagħna tagħti.  Kienet dik l-elezzjoni li fiha l-vjolenza ħakmet lill-pajjiż.  Elezzjoni li rat lill-Partit Nazzjonalista jaħdem mingħajr strumenti ta’ informazzjoni.  Elezzjoni li fiha, ġabra ta’ persuni għamlu ħilithom kollha biex jisfrattaw mass meeting ġewwa t-Triq tal-Barrani.  Elezzjoni li fiha tlifna lil Raymond Caruana, ġuvni mimli saħħa u enerġija ġewwa l-każin tagħna tal-Gudja, f’omiċidju politiku mill-ikreh.

4.    Renato ma kienx kandidat qabel.  Dik l-elezzjoni kienet l-ewwel esperjenza tiegħu u li daħal għaliha b’saħħa u b’enerġija kbira, minkejja d-diffikultajiet kollha li dak id-distrett partikolari kellu, magħmul minn Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun, Wied il-Għajn u Marsaxlokk, fejn il-partit l-ieħor kien jippretendi li jeleġġi erbgħa.  Niftakru f’dawk il-jiem, sija fid-Dar Ċentrali l-antika fil-laqgħat li kien ikun hemm, kif ukoll fil-każin.  Kien jinkwieta ħafna u kien bniedem mill-iktar responsabbli u affidabbli.  Jaf iġib ruħu u qalbu miftuħa għad-diversi persuni li kienu jmorru għandu jew li kienu jsibuh fit-triq.  Kien hemm għal kulħadd.  Kien ikun hemm, ħosbien fuq dak li jkun għaddej imma fl-inqas mument tarah bi tbissima fuq wiċċu, jagħraf is-soluzzjoni u l-opportunità li hemm.

5.    Renato kien bniedem intelliġenti, persuna li jaqra u jsegwi.  Kien huwa wkoll kien bin politiku magħruf ieħor, Giuseppe, li wkoll kien ġie elett u membru parlamentari għal Ħaż-Żabbar.  Kellu fih dawk l-ideali demokratiċi nsara li sawru missirijietna fil-Partit Nazzjonalista.  F’dawn l-aħħar snin li kien irtira mill-ħajja pubblika u mar joqgħod Wied il-Għajn, kont narah spiss.  Preċiż fejn kien jgħix huwa l-post fejn, kif ikolli l-ħin, immur ngħum.  Kemm-il darba waqafna nitkellmu, mhux fit-tul żejjed, imma dawk il-minuti kienu jkunu prezzjużi ħafna għalija.  Dak li jkun għaddej, dak li jkun qiegħed isir u dak li nkun qiegħed nikteb dwaru kien jgħaddili rimarki, suġġerimenti u kummenti validissimi dwarhom.

6.    Għandi ferm iktar memorji sbieħ tiegħu, imma ma hemmx dubju li l-partit tilef raġel minn ħdanu.  Tilef persuna li kien jirrappreżenta dik il-maġġoranza silenzjuża li mhux ser taraha tikteb fil-gazzetti, imma li qed tqis u ssostni dak kollu li qiegħed isir tajjeb f’pajjiżna.  Il-valuri nsara li rċieva mingħand missieru ma staħax jibqa’ jħaddanhom u kienu ta’ gwida għalih tul ħajtu kollha.  Għalhekk, il-pariri tiegħu kienu jiswew għalija daqs id-deheb.  It-telfa tiegħu l-bieraħ filgħodu verament ħasditni.  Ħassejt li tlift parti minni.  Minn qalbi ngħaddi l-lunghi giorni lis-Sinjura tiegħu u lil uliedu t-tnejn.  Tlifna raġel li rebħu lura l-Ħallieq.

Fil-maltemp il-kaptan it-tajjeb

1.    Għaddiet sena mimlija attività politika.  Eventi li, f’daqqa, rari ħafna jseħħu fl-istorja u fil-karriera ta’ bnedmin li jkunu ddedikaw ruħhom għas-servizz tal-pajjiż.  Minn barra, diversi jaħsbu li min jiġi elett qiegħed hemm għall-vanaglorja tiegħu, sabiex ikun jidher sabiħ u meqjus mill-oħrajn.  Imma r-realtà ta’ kuljum hija kompletament differenti.  Is-sitwazzjonijiet, l-intoppi, il-kumplikazzjonijiet li jqumu kontinwament ma jagħtux ħajja komda, iżda waħda li titlob attenzjoni, applikazzjoni u perseveranza.  Il-politiku jrid jaffronta dak li jkollu quddiemu bl-aħjar abbiltajiet tiegħu, bil-valuri li jħaddan.  Tkun aktar tard fl-istorja, wara ċertu trapass ta’ żmien li l-ġudizzji jsiru, lejn naħa jew oħra.

2.    Il-politiku huwa ħafna drabi bħal dak il-baħri abbord bastiment sejjer minn post għall-ieħor.  Dak li huwa politiku nisrani għandu sejħiet oħra, iktar qawwija, quddiemu.  Tul is-sena li għaddiet irriflettejt diversi mumenti fuq il-kitba li tiddeskrivi, l-ewwel, lil Sidna Ġesù Kristu fuq id-dgħajsa tas-sajjieda jistrieħ; u t-tieni, dik li mhux abbord, imma jitla’ fuqha.  Kull darba l-ambjent huwa wieħed ta’ nkwiet, ta’ periklu, ta’ ilmijiet qawwija tant li jkunu ser jaqilbu kollox.  Il-baħrin, l-appostli jinkwetaw jaraw wiċċ il-mewt imma l-kalma tfeġġ lura.

3.    Il-baħri ma jagħżilx li jipprova jibdel il-maltemp fi bnazzi, jaf li ma jistax jibdel il-kurrenti tal-baħar jew il-forza tal-mewġ u tal-irjiħat – irid biss jaffrontahom.  L-istess in-nisrani – jaf li ladarba huwa mgħobbi bis-salib, irid iġorru t-telgħa kollha.  Ix-xenarju li għaddejna minnu u li preżentement ninsabu fih huwa wieħed iebes u diffiċli.  L-ilmijiet huma qawwija u l-kurrenti m’humiex ta’ wiċċ il-baħar imma ġejjin minn taħt.  Min għandu rasu fuq għonqu jaf li l-prospetti għal din is-sena huma iebsa.  Jilludi lilu nnifsu u lill-proxxmu tiegħu min qiegħed jipprova jagħti x’wieħed jifhem li għal din is-sena mhux ser ikollna nkwiet ekonomiku bid-diffikultajiet soċjali li dan iġib miegħu.

4.    Innutajt li qed isir il-punt żbaljat mill-Oppożizzjoni li d-diffikultajiet li qed naraw ġejjin huma marbuta ma’ sitwazzjonijiet lokali.  L-argumenti mressqa jinjoraw ovvjament il-fatt li l-problemi li l-Ewropa, il-Mediterran u d-dinja hemm ser jibqgħu, imexxi min imexxi lil dan il-poplu.  Il-pern tal-loġika f’dan hu: x’abbiltajiet politiċi għandu bżonn dan il-pajjiż sabiex nassiguraw, l-ewwel, li l-ekonomija tibqa’ tikber u tiġġenera x-xogħol; it-tieni, li ma mmorux lura fil-pakkett soċjali tagħna sabiex min huwa minn taħt jibqa’ jiġi mgħejun.  Kif jgħidu: kif aħna nafu, kif ser inkunu le.

5.    F’dawn is-snin ta’ din il-leġislatura u ta’ qabilha nżammew l-istabilità ekonomika u l-paċi soċjali proprju għax min qiegħed imexxi għaraf minn qabel is-sinjali taż-żminijiet u ħa d-deċiżjonijiet it-tajba.  L-istatistika mhix kwantifikabbli fin-numri elettorali jew politiċi, imma fil-kapaċità, l-għaqal u l-abbiltà li tara dak li ġej u tieħu l-passi.  Għal dawk li għadhom jaħsbu li l-istat ekonomiku u soċjali ta’ dawn il-gżejjer huwa wieħed faċli u sempliċi li b’miżura waħda tista’ ssolvi l-problemi kollha huma għal kollox żbaljati.  Min jidħol fit-tmun ta’ dan il-bastiment jaf li jrid mill-ewwel ikun preparat sew u m’hemmx żmien għall-apprendistat għax il-ħsara li ssir tkun waħda irreversibbli.

6.    Il-kaptan għandu fuqu r-responsabbiltà tal-baħrin u l-passiġġieri, kif ukoll tal-bastiment.  Fil-maltemp, deċiżjonijiet tajba jżommu lil kulħadd għaddej – dawk ħżiena jwasslu għat-telfien u għad-diżastri.  Preżentement, maltemp u maltempati għandna għal quddiemna.  L-istabilità ta’ kollox tiġi proprju mill-għarfien li hemm il-bżonn li nibqgħu nitmexxew tajjeb.  Il-verità hija li f’dan il-maltemp kaptan tajjeb għandna – wieħed li m’hemmx dubju li jkompli juri lilu nnifsu fl-abbiltajiet sħaħ tiegħu.  Fuq in-naħa l-oħra l-verità hija wkoll li ma hemmx previżjonijiet ta’ ibħra kalmi.

5.1.12

Tislima lil Maurice V. Debono

Għaddew hdax-il-sena mill-jum meta Maurice V. Debono ingħaqad lura mal-Ħallieq tagħna.  Għandi diversi memorji tajba tiegħu li ser nibqa’ nżomm f’qalbi.  Qiegħed inqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd l-artikolu li kont ktibt għalih.

TLIFNA ĦABIB U RAĠEL TA’ VERU“Il-Mument” Il-Ħadd, 7 ta’ Jannar 2007

1.    Nikteb dan l-artikolu b’qalb sewda u id tqila.  Dan għax matul il-lejl tal-Ġimgħa rċevejt l-aħbar kerha li Maurice Debono kien ġie msejjaħ lura fi ħdan il-Ħallieq tagħna.  It-telefonati tul dawk is-sigħat qatt ma kienu ħbieb tiegħi għax ħafna drabi wasslu messaġġi li tibqa’ tixtieq li ma rċevejt qatt.  Il-vuċijiet ta’ uliedu neħħewli kull sens ta’ spazju u ħin.  Ma stajt norqod xejn, stajt biss nerġa’ nġib quddiem għajnejja l-esperjenzi sbieħ u koroh li għaddejna flimkien miegħu.  Dawk il-mumenti fil-ħajja li kelli x-xorti nqatta’ ma’ bniedem li kien jixgħel quddiem kulħadd bl-eżempji t-tajba.

2.    Maurice kont ili nafu.  Trabbejt niltaqa’ miegħu fl-ambjent Bormliż tagħna.  Mill-Quddies tas-7.30 a.m. f’Santa Tereża fejn xi drabi kont inservi ta’ abbati sa xi laqgħa fid-dar tagħna hu kien ikun hemm, dejjem bi tbissima fuq wiċċu jitkellem b’mod pożittiv.  Kellu serenità kbira li mingħajr ma trid kont tibda titkellem u tiddiskuti miegħu.  Moħħ miftuħ, u kellu snin ta’ studju warajh bi preparazzjoni fil-fond li ftit issib bħalha.  Raġel preżenti fuq diversi livelli, fl-Università, fil-parroċċa, fil-partit, fil-kappella ta’ Santa Margerita hu kien dejjem l-istess persuna.  Umli għall-aħħar mingħajr suppervja ta’ xejn, anki jekk mimli bl-intelliġenza u bl-għerf.  Min ried seta’ jkellmu, hu min hu, ġej minn fejn ġej.

3.    Niftakru fis-snin tal-prova.  Meta bejn l-1981 u wara sad-disgħinijiet kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Kumitat Sezzjonali tal-partit f’Bormla.  Ma kienx joqgħod lura, deċiżjoni tittieħed tajjeb.  Mhux biss ma kienx tal-kmand iżda kien iġib lill-membri warajh bl-eżempju.  Jekk hemm bżonn narmaw, inżarmaw, insajru, innaddfu, induru għat-tesseri, inħabbtu l-bibien, norganizzaw l-attivitajiet hu kien ikun hemm b’idejh imxammrin.  Jiġri x’jiġri kont taf li hu hemm qiegħed u xemx jew xita se jsegwi triqtu.  Għadu preżenti ħdejja waqt il-meeting f’Tal-Barrani.  Ma kienx hemm kantunieri għalih, ir-raġuni ma tridx forza.  Għalhekk kien sod fil-prinċipji, biss mhux koċċut għax kellu mod ta’ kif iwassalhom li tħoss li qed tieħu dak li hu tqil bħala ħafif.

4.    Niftakru ġej id-dar tagħna hu u martu Emelda fl-elezzjoni ta’ l-1976.  F’dawk il-jiem meta l-votazzjoni kienet issir fuq tlett ijiem.  Kont iltqajt miegħu diġà fis-serbut li kien jinġabar quddiem l-iskola primarja jien u tielgħa mill-Quddies.  Il-memorja hi tant ċara li għadni narah iktar tard jiddeskrivi lil missieri fl-istudju kif, ħabta u sabta, żewġ bravi tal-partit l-ieħor daru għalih u għal martu.  L-aggressjoni vjolenti kellha numru ta’ raġunijiet.  Ippruvaw ibeżżgħu, jtellfu u anki jieħdu l-ġiżirana u s-salib tad-deheb li kellu l-ħin kollu ma’ għonqu.  Ma kien jum faċli xejn u darna kienet saret bejn fortizza u sptar tant qalgħu xebgħat u daqqiet ġirien tagħna li riedu biss jeżerċitaw dritt leġittimu tagħhom.  Bqajt nammira iktar lil Maurice mhux talli ma kabbarhiex, iżda ċekkinha.  Anzi kellu t-tbissima f’wiċċu mimli sodisfazzjoni li xorta rnexxielhom jagħtu l-unu lil missieri.  Mhux qatgħulu qalbu jew beżżgħuh iżda ssoda iktar fid-determinazzjoni tiegħu.
5.    Kelli x-xorti niltaqa’ spiss miegħu.  Iktar u iktar għax ħija u jien trabbejna ma’ wliedu li għandhom kważi l-istess età tagħna.  Kien jixtiqilna l-ġid qisna wliedu wkoll.  Sejrin l-iskola, ġejjin lura jew qed nilagħbu l-ballun, kont tarah iħares bħar-ragħaj it-tajjeb iserraħ moħħu minn ħaġa u minn oħra.  Mingħajr ma taf, mhux bil-fittaġni jew l-indħil, iżda bil-kelma preċiża.  Waħda mill-isbaħ memorji tiegħi kienet meta l-kumitat immexxi minnu organizzali festin fil-każin għax kont ilħaqt avukat.  Stmani ta’ ibnu.  Għad għandi mdendlin fid-dar dak li tani l-kumitat u dak li tawni hu u martu.  Hemm baqgħu l-inkwadri, mimlija mħabba jfakkruni.

6.    Min jaf kemm waqaft nitkellem miegħu iktar u iktar meta fl-1982 sirt tesserat tal-partit u bdejt norganizza l-kumitati sezzjonali taż-żgħażagħ fid-distrett.  Kont insibu ta’ għajnuna kbira bil-pariri tiegħu.  U għandi dejn kbir lejh għax kien iħajjarni kemm jista’.  Kellu fiduċja f’ħidmieti u kull nhar ta’ Ħadd kien jaqra dan l-artiklu u jgħidli wara.  Anzi, avolja kont żgħir, għadni student, ma kinitx tkun l-ewwel darba meta missieri jinqabad naħa jew oħra u hu dlonk jimbuttani biex nitkellem f’xi konferenza floku.  Hemm baqa’ miegħi anke jekk wara l-1987 kont ħrabt kemm stajt mill-kalċi tal-ħidma politika imma hu xorta kien iħajjarni lura fiha.  Għadha ċara sal-lum f’moħħi meta f’dak il-jum li f’Bormla ħarġet l-aħbar li missieri kien se jsir President tar-Repubblika,  sibtu mill-ewwel wara l-bieb ta’ l-uffiċċju jgħidli: “Issa int.”  U kelli diffikultà xejn żgħira biex ma ngħidlux le.

7.    Niftakru wkoll fl-Università ta’ Malta.  Meta ta’ student kont niltaqa’ hemm ukoll miegħu u hemm skoprejt iktar u iktar kemm kien qara u studja.  Hemm f’dak il-post li spiċċa b’popolazzjoni żgħira tarah għaddej kont.  U niftakru nieħdu kafè flimkien jew ma’ l-inseparabbli John Camilleri u Carmel Cacopardo.  Huma t-tlieta fil-kunsill, isostnu lil xulxin.  Kienu qishom tliet muskettieri.  Jidħlu minkejja li kienu fil-minoranza u joħorġu b’wiċċhom daħqan.  Jissieltu għas-sewwa bħalma għamlu għall-ħaddiema fil-famuża Mnarja.  Hemm kien jidher dejjem ċar li Maurice kellu moħħu miftuħ għall-ideat u d-diskussjoni iżda ladarba kien ikun persważ, kien jimxi kull triq.  Hi x’inhi, iżda b’konvinzjoni.  Hekk għamel ukoll meta bħala l-uniku kunsillier lokali tal-partit spiċċa Viċi Sindku maħtur mill-kunsillieri l-oħra li ma kienux miegħu għax tant kien spiċċa apprezzat fil-pariri tiegħu.

8.    Bormla kien iħobbha verament.  Kien mimli bi proposti u suġġerimenti ta’ x’għandu jsir naħa jew oħra u ħadem għal dan.  Għalhekk ir-rabta miegħu kompliet maż-żmien tissoda dejjem iktar.  Iva nammetti għandi ħafna memorji sbieħ tiegħu.  Maurice kien bniedem li ħadem f’beltu, fil-partit u fil-pajjiż.  Biss qalbu kienet tal-knisja.  Uliedu José u Juan, patrijiet fl-Ordni tal-Karmelitani Skalzi, huma xhieda ħajja ta’ dan.  Għandi ħafna iktar x’ngħid u dan l-artiklu żgur li m’hux biżżejjed biex jagħmillu ġieħ.  Nagħlaq billi ngħid li ma hemmx dubbju li se jħalli vojt kbir magħna iżda llum jien ċert li qiegħed fi ħdan il-Ħallieq, daħkan bħal dejjem fil-preżenza ta’ Santa Tereża l-Kbira, San Ġwann tas-Salib u Santa Tereżina.

4.1.12

Inħarsu 'l quddiem

1.         Dik li għadha kif għaddiet kienet sena mill-iktar impenjattiva u interessanti għalina bħala pajjiż, bħala poplu.  Għalina l-poplu li aħna mdorrija b’valuri sodi ta’ solidarjetà, li ngħinu lil xulxin fil-mumenti d-diffiċli nafu li dawn l-aħħar xhur ser jibqgħu fil-memorja.  It-taqlib li rajna fil-parti ta’ fuq u ta’ taħt tal-Mediterran sawwarna fid-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu.  Tkissru gvernijiet, inbidlu dittaturi, oħrajn mietu, diversi oħra tilfu ġidhom – l-effetti ta’ dan irridu nqisuh fis-sena li ġejja.  F’dawn ix-xhur li għandna quddiemna ser immissu mal-effetti ta’ dawn it-terremoti ekonomiċi u politiċi.

2.         Huwa minnu li dawn il-jiem, ġustament, jeħduna fil-passat.  Niċċelebraw il-Milied u l-jiem ta’ qabel u ta’ wara b’intensità, sija mill-aspett reliġjuż – dik tat-tfittxija kostanti tal-bniedem għall-verità, kif ukoll minn dak familjari u soċjali.  Mingħajr ma rridu ninqatgħu mir-rutina tas-sena u naħsbu fi ħwejjeġ oħra.  Fejn ser nisimgħu l-quddies, x’ser insajru, għand u ma’ min ser naqsmu l-kumpanija.  Dan huwa sew fih innifsu, ovvjament mhux fl-abbuż, imma fid-dożi ġusti li jżidu u mhux li jneħħu mill-pjaċir.

3.         Biss ilkoll nafu li mal-bidu tas-sena rridu nimpenjaw ruħna ferm iktar direttament sabiex ngħelbu l-isfidi li diġà qegħdin naraw li ġejjin, kif ukoll dawk li żgur ser jinqalgħu.  Min f’dawn il-gżejjer u f’din id-dinja għandu rasu fuq għonqu jaf li ser ikollna tnax-il xahar ta’ baħar imqalleb sew.  Trid impenn, determinazzjoni, perseveranza u dożi qawwija ta’ esperjenza sabiex jiġu affrontati, konfrontati u, sa fejn hu possibbli, megħluba.  Meta nħarsu lura u naraw x’ġara fil-Greċja, fl-Italja, fi Spanja u fil-Portugall nifhmu kemm irreżistejna u ħdimna bil-għaqal.  Ħaddieħor ġie mkaxkar mill-eventi u l-popli ta’ dawn il-pajjiżi d-daqqa qed iħossuha sew, mentri aħna bqajna għaddejjin.

4.         Minkejja t-taqlib evidenti fil-parti tal-Mediterran, bqajna naraw żieda fit-tkabbir ekonomiku u fil-ħolqien ta’ postijiet ġodda tax-xogħol.  Biss, dawn ir-riżultati li ksibna ma jfissirx li waqgħu f’ħoġorna u li huma garantiti għas-sena li ġejja.  Irridu nibqgħu naħdmu għalihom fix-xenarju li diġà qiegħed jiżviluppa.  Irridu nifhmu li s-sitwazzjoni finanzjarja kompliet taggrava u l-effetti tagħha ser ikomplu jikkumplikaw.  It-triq 'l isfel ħadd għadu ma jista’ jiddikjara li waqfet u issa lkoll bdejna telgħin 'il fuq.  Nittama li tul is-sena li ġejja nkunu nistgħu ngħidu dan, però għandi ħafna dubji.

5.         Il-pajjiż tagħna sa issa rnexxielna nżommuh lura kemm stajna mill-pilloli morri li qiegħed jieħu ħaddieħor.  Dan sar għax impenjajna ruħna bil-lejaltà lejn dan il-poplu li vvutalna.  Il-ġurament li ħadna li naħdmu kemm nifilħu biex inżommu 'l-poplu miexi 'l quddiem fil-maltemp li għandna, żammejna miegħu sew.  Żammejna li naraw li f’kull settur naħdmu b’intelliġenza biex, mid-drapp li għandna, nfasslu kemm jista’ jkun.  Inħares madwar il-Kabinett tal-Ministri u jiġu quddiem għajnejja d-diversi passi li ġew meħuda, uħud kbar u wħud żgħar, li servew.  Servew biex jibdlu, biex nibqgħu nikbru u ma niġux wieqfa, bħal ma qiegħed ħaddieħor.

6.         Hemm ħidma kbira li trid issir fil-jiem li ġejjin – waħda li mhix ser tkun faċli għax meta l-ekonomiji ta’ madwarna mhumiex javvanzaw, aħna ser inbatu wkoll.  Biss, nibqgħu determinati li nagħtu s-sehem tagħna bil-valuri li nħaddnu.  F’dawn l-aħħar xhur, il-ġustizzja soċjali ma naqsitx u anqas inxteħtet 'il barra.  Żammejna d-dimensjoni soċjali fil-politika tagħna.  Ma bqajniex lura milli naffermaw li l-bniedem jiġi qabel l-ekonomija.  Anzi, ħadna ħsieb li nibqgħu niggarantixxu l-qafas soċjali tal-Istat.

7.         L-isfida għalina hija li nkomplu niddefendu dak li għandna billi nkabbru l-ekonomija fil-qafas tal-valuri nsara tagħna.  Inħarsu 'l quddiem, preparati li naħdmu bil-forza kollha li għandna għall-ġid ta’ dan il-poplu.  Minn qalbi nawgura s-Sena t-Tajba lil kulħadd.


FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...