13.11.12

Wettaqna s-sewwa

1. L-aħbarijiet ekonomiċi ta’ dawn l-aħħar jiem għandhom ikomplu jqawwulna qalbna. Jimlewna bit-tama li d-diffikultajiet fis-swieq, fil-kummerċ u fil-finanzi varji tal-Ewropa u tad-dinja qegħdin fit-triq tal-bidla. Qabdu l-mixja sabiex nirkupraw u nerġgħu naraw il-bini mill-ġdid ta’ soċjetà li kapaċi timxi passi oħra ‘l quddiem. Meta nduru lura u naraw fuq naħa x’ġara lil popli oħra madwarna u fuq in-naħa l-oħra x’ġara f’pajjiżna, nistgħu ngħidu li għamilna ħilitna. Għamilna dak kollu li huwa possibbli sabiex, kemm jista’ jkun, ma ngħaddux minn dak li għaddew minnu oħrajn. Ma jkollniex il-bżonn li ngħaddu minnu. Ta’ dawk li kellhom inaqqsu l-ħaddiema mal-Gvern, ta’ dawk li naqqsu l-pensjonijiet, ta’ dawk li raw inqas nies jaħdmu u negozji jagħlqu.

2. Il-kriżi ekonomika li ħakmitna f’dawn l-aħħar erba’ snin issa qegħda tidher li qed tbatti. Is-sitwazzjonijiet f’numru ta’ pajjiżi madwarna jidhru li qegħdin jinbidlu. Dak li qabel ma kienx kontrollat, issa jidher li huwa. Dak li kien jidher li nieżel ‘l isfel il-ħin kollu, issa hemm stabilità u sinjali li r-rota bdiet iddur biċċa biċċa lura ‘l fuq. Pajjiżna f’dan għandu vantaġġ li jista’ juża tajjeb. Għandu l-vantaġġ li m’għaddiex mill-istess intensità ta’ diffikultajiet u tbatijiet li għaddew minnhom oħrajn. Żammejna l-ekonomija għaddejja, l-impjiegi baqgħu jiżdiedu, bqajna niġbdu l-investiment varju hawn u dan għax ħadna l-miżuri tajba sabiex salvajna dak li ħaddieħor ma kienx kapaċi jsalva. Il-fatt li għażilna li nagħtu prijorità lix-xogħol u nikkonċentraw l-isforzi tagħna biex insalvaw u nkabbru d-diversi fabbriki li daħlu fi kriżi salvatna lkoll.

3. Wettaqna s-sewwa, biss dan ma jfissirx li kull persuna ħadet benefiċċju dirett, anzi diversi minn dak indirett. Dawk li baqgħu fl-impjieg, dawk li sabu wieħed ġdid ħadmu huma u b’dak li qalgħu ħaddmu lill-oħrajn. L-ekonomija hija katina ċara: iktar ma tikber u tkun soda, iktar tmexxi ‘l quddiem ‘il-pajjiż. Fir-realtà, il-pajjiż għandu llum varjetà ta’ setturi li jiggarantixxu x-xogħol. M’għadniex marbuta ma’ linja waħda, iżda b’ġabra li qed iservu sabiex ikabbruna b’rati ta’ tkabbir li qatt ma kellna bħalhom qabel f’pajjiżna. L-iktar importanti però jibqa’ żgur li ma rajniex biss tkabbir temporanju. Żammejna li naraw li kull settur li twieled ġdid kompla jikber u javvanza u ma marx lura. Is-settur tas-servizzi finanzjarji huwa eżempju mill-iktar ċar ta’ dan, fejn il-fruntieri ġodda ma jiqfux jiżviluppaw.

4. Iċ-ċavetta ta’ dan is-suċċess ġejja minn deċiżjonijiet strateġiċi u tajba li ħadna f’dawn l-aħħar snin. Biex kabbarna l-ekonomija ħadna ħsieb li nipprovdu lil min irid jiftaħ negozju ġdid jew investimenti ġodda b’ħaddiem li huwa ferm iktar mgħallem minn ta’ postijiet oħra. Ma ħallejniex l-edukazzjoni tagħna tibqa’ waħda utilitarja. Għax it-tagħlim huwa neċessarju fih innifsu, independement mill-ekonomija. M’għandux jiddependi minnha biex jeżisti. Biss, meta tieħu deċiżjonijiet strateġiċi f’dawn iż-żewġ setturi ssib li l-ekonomija ma tavvanzax ‘il quddiem jekk ma jkollhiex edukazzjoni b’saħħitha li trid li jkollha iktar ċittadini jitgħallmu. U proprju għalhekk li kellna suċċess, għax l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna tant qed iħarrġu tajjeb li għandna x’noffru dak li oħrajn ma jistgħux.

5. Kienet u baqgħet deċiżjoni li ggarantiet is-suċċess tagħna dik li stabbilejna li l-pajjiż irid jinvesti tajjeb fis-soċjetà billi jgħin lill-istudenti f’diversi setturi jirċievu stipendju kontinwu fit-triq tagħhom. Fejn, f’liema pajjiż fl-Unjoni Ewropea għandhom dan il-vantaġġ li assigura, tul dawn l-aħħar snin, li jkollna aktar Maltin u Għawdxin mgħallma, gradwati, professjonisti li permezz tagħhom il-pajjiż seta‘ jwieġeb f’dan il-perjodu partikolari għall-isfidi li qed niffaċċjaw ilkoll? Il-ġebla tax-xewka tagħna lkoll hija proprju din. Iktar edukazzjoni għal iktar persuni. Illum, tmur fejn tmur, titkellem ma‘ min titkellem issib li għandek iktar familji li għandhom ulied jew neputijiet li daħlu f’xi istituzzjoni edukattiva u ħarġu gradwati.

6. Jistgħu jmaqdruna. Faċli tipprova tagħti x’tifhem li hemm xi ħadd aħjar minna, imma r-realtà hija li ħadd ma jista‘ jmeri li f’dawn l-aħħar snin ħadna deċiżjonijiet tajba. Wettaqna s-sewwa billi ħadna ħsieb norbtu tajjeb l-ekonomija, l-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa b’xejn. Fejn ħaddieħor kellu jaqta’ u jnaqqas, aħna minflok għamilna l-kontra. L-impjiegi żdiedu, il-pensjonijiet baqgħu garantiti, il-ħaddiema tal-Gvern baqgħu jaraw is-salarji tagħhom jikbru u kabbarna l-infiq fl-edukazzjoni. Dan huwa mertu ta‘ varjetà ta‘ deċiżjonijiet li ġew meħuda għas-sewwa u t-tajjeb. Il-valuri demokratiċi nsara tagħna żammewna ngħarfu dak li huwa tajjeb minn dak li m’huwiex, dak li huwa ġust minn dak li hu inġust. Wettaqna s-sewwa, u għalhekk qed nerġgħu nsibu s-sewwa.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...