15.11.12


Tħajjar ‘il-poplu għas-sewwa.

 

Tul din il-ġimgħa ġew quddiemi, għal darb’oħra dawn il-kliem li San Pawl, fl-ittri tiegħu, jgħallem.  Din is-sentenza, tul din il-leġislatura żammitni naħseb, inżommha f’qalbi u f’moħħi.  Il-politiċi, meta jidħlu fil-Parlament, jidhru minn barra li huma lkoll l-istess.  Biss, l-ideat tagħhom, il-formazzjoni li jġorru, jifirduhom.  Min huwa nisrani u fil-politika għandu responsabbiltà.  Irid jassigura li dak li qiegħed iwettaq huwa konformi mal-valuri li jħaddan.  Din hija linja ta’ ħsieb u aġir hi ferm iktar diffiċli għal dawk li m’humiex hekk preparati u ffurmati.  Min m’għandux prinċipji, min m’għandux direzzjoni, jara l-politika b’mod differenti.

 

Ma jarahiex bħala mezz għas-servizz tal-poplu.  Anqas ma jara li jrid joqgħod attent fil-mod li bih jaġixxi.  M’għandux fih il-bżonn li jkun ġust u li jaġixxi hekk, sija fil-metodu kif ukoll fil-għan tiegħu.  L-ingann, id-doppja faċċja, id-duwalità, in-nuqqas ta’ konsiderazzjoni għad-dinjità tal-bniedem huma aċċettabbli għalih.  Aċċettabbli għax fil-materjaliżmu tiegħu, l-għan jiġġustifika kull mezz.

 

Id-demokratiku nisrani mhux talli m’għandux jagħmel dan, anzi huwa msejjaħ biex ikun politiku ta’ kwalità aqwa.  Irid iġib ruħu skont dawn il-valuri, u fl-istess ħin jara li mhux biss qiegħed jaħdem sew, b’onestà, b’integrità, b’serjetà imma li jwettaq passi, miżuri u liġijiet li jħajru ‘l-poplu għas-sewwa.  Pass diffiċli, ma hemmx dubju.  Iżda jrid isir.  Għax soċjetà timxi ‘l quddiem meta mhux biss tara s-sewwa jsir, imma meta tħajjarha li jaqblilha twettaq is-sewwa.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...