24.11.12

La Fortuna Non Esiste

Non importa quante volte cadi.  Quello che conta è la velocità con cui ti rimetti in piedi”.



Għadni kif spiċċajt ktieb interessanti miktub mill-ġurnalist Taljan Mario Calabresi, li kien fl-Istati Uniti tal-Amerika fil-perjodu meta l-President attwali Barack Obama kien għaddej bil-ewwel kampanja Presidenzjali tiegħu.  Il-ktieb huwa sempliċi u kumplikat fl-istess ħin.  Sempliċi għax jagħżel li jaffronta, b’kapitli qosra, il-ħajjiet ta’ diversi persuni.  Kumplikat għax kull persuna magħha tieħu, u ġġib għalina, l-intoppi u l-problemi li tikkonfronta.
                          
Is-sabiħ tal-ktieb hu li l-awtur jirnexxilu jiġbor xhieda ħajja u unika ta’ dak li diversi ċittadini għaddew u għadhom għaddejjin minnu, sija kaġun tal-kriżi ekonomika, kif ukoll b’konsegwenza ta’ deċiżjonijiet politiċi li ġew meħuda minn dak il-pajjiż.

It-tema rikorrenti hija waħda, fis-sustanza, pożittiva.  Pożittiva għax l-awtur, permezz ta’ dawn il-laqgħat li kellu ma’ karattri varji juri kif irnexxielhom, minkejja d-diffikultajiet u hitan impossibbli li jgħaddu minnhom, jirbħu l-eventi u lilhom infushom sabiex jerġgħu jidħlu lura għad-dinja.

Huma rakkonti diretti ta’ ħaddiema li tilfu l-post tax-xogħol tagħhom minn kumpanniji tal-produzzjoni ta’ vetturi, General Motors, kif ukoll ta’ dawk li kienu jaħdmu mal-Lehman Brothers.  Hemm kull darba xhieda storika ta’ dak li bnedmin bħalna sabu x’jaffrontaw fil-ħajja ta’ kuljum.  Persuni li kienu sodi fix-xogħol, finanzjarjament, f’darhom, fin-negozju li f’daqqa waħda sabu ruħhom b’xejn.  Flok baqgħu jħarsu lura, għażlu li jimxu ‘l quddiem.  Iħallu warajhom id-diżgrazzji tagħhom, jerġgħu jqumu u jkomplu b’ħajjithom.  Verament ktieb sabiħ u mimli balzmu, sija għal min jgħaddi minn problemi varji fil-ħajja, kif ukoll għal dawk li għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji li nħolqulhom minħabba l-kriżi finanzjarja.

It-tema prinċipali hija, fil-qosor, li l-għawġ jiġi fuq kull persuna.  L-importanti hu li wieħed iqum minnu kemm jista’ jkun malajr.  F’dan jiġi kwotat Joe Biden, il-Viċi President Amerikan, li kien f’incident tat-traffiku kien tilef lil martu u lil bintu u kellu żewġ ulied feriti gravement, li jgħid: Non importa quante volte cadi.  Quello che conta è la velocità con cui ti rimetti in piedi”.

L-iktar żewġ rakkonti li laqtuni kienu dawk ta’ sindku ta’ belt magħrufa bħala “Braddock”, li waqgħet fi kriżi għax fabbrika kbira li kien hemm fiha żarmat. John Fitterman qiegħed jaħdem sabiex jibdel u jerġa’ jġibha lura għall-ħajja.  Wieħed mill-punti prinċipali fil-programm elettorali tiegħu, kien dak li jġib lura ristorant iservi fil-belt.  Laqatni proprju għax, mingħajr ma trid, tiftakar fil-kliem “tama kontra kull tama”.  Minkejja l-avversitajiet kollha, n-natura umana tibqa’ taħdem biex tbiddel.

Ir-rakkont l-ieħor hu dwar Tammy Duckworth, mara li waqt li kienet pilota abbord helikopter fil-gwerra tal-Iraq, intlaqtet u tilfet saqajha u partijiet minn idha l-leminija.  Persuna li tammira għall-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħha.  Ġiebet lilha nfisha lura, sija fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll f’dik politika.  Illum ġiet eletta membru fil-parlament Amerikan u fit-3 ta’ Jannar 2013 tieħu l-ġurament tal-ħatra.

Dan huwa ktieb mexxej, sempliċi u dirett li però jirnexxilu jwassal il-messaġġ lil diversi li fil-ħajja m’għandhomx jaqtgħu qalbhom.  Nirrakkomandah.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...