12.4.12

Sabar u paċenzja

1.    Forsi l-esperjenzi umani li kull persuna tmiss magħhom ta’ kuljum, forsi l-età, forsi wkoll il-qari jew dawn kollha flimkien juru kemm is-sabar u l-paċenzja huma essenzjali.  Importanti sabiex wieħed jipprova jqiegħed lilu nnifsu biex issir is-sewwa.  Meta deċiżjonijiet jiġu meħuda malajr, b’reazzjoni għal ħwejjeġ oħra, mhux dejjem ikunu f’posthom u anzi, ċertu drabi, jagħlqu l-bieb għal passi oħra aqwa u aħjar.  Imma l-ħajja hekk hi.  Jekk ma toqgħodx attent, taħkmek fin-naħa l-iżbaljata.  Tirkbek u tispiċċa twettaq il-kontra ta’ dak li trid.

2.    Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar ma nara lill-bniedem mill-eżistenza umana u mill-politika nara kemm il-paċenzja u s-sabar huma virtujiet li jridu jiġu koltivati f’qalb u f’moħħ kull bniedem.  Hemm ħafna sitwazzjonijiet li fihom trid tieqaf u tirrifletti.  Tieqaf sabiex tbati diskors żejjed u aġir żbaljat bis-sabar u r-rassenjazzjoni li, għada pitgħada, is-sewwa jseħħ.  Din mhix xi esperjenza unika għal persuna waħda.  Kull bniedem fil-ħajja tiegħu f’din id-dinja jrid jara minn dan ma’ wiċċu.  Isofri, ibati diversi forom ta’ inġustizzja f’dak li jkun qiegħed jagħmel u, jekk ma jkollux il-fidi u l-umiltà tal-paċenzja, jaf li jekk jirreaġixxi jiżbalja.

3.    Hemm min fis-soċjetà tagħna, bħal kull f’soċjetà oħra f’kull żmien, li jara li jqiegħed lilu nnifsu għas-servizz ta’ dak li jaf li huwa ħażin u żbaljat.  Għad hawn diversi li jaħsbu li kollox jista’ jkun ġustifikat, l-aqwa li l-għan aħħari suppost li jkun tajjeb u nobbli.  Diversi jqegħdu fuq il-pedestall tagħhom miri li jridu jilħqu akkost ta’ kollox.  Jinħakmu mill-bżonn li joħolqu għalihom infushom u jwettqu atti żbaljati kontra terzi persuni.  Tiskanta kif wara sekli ta’ esperjenzi umani miktuba, rakkontati u li qegħdin għad-disposizzjoni tagħna lkoll jibqa’ jkun hemm min jaħseb li, b’aġir żbaljat, ser jiggwadanja.

4.    B’żerriegħa ħażina, frott tajjeb ma joħroġx.  Tiżragħha meta tiżragħha, fejn u x’ħin trid, xorta waħda hemm tibqa’ mwaħħla – tidher mod u tkun mod ieħor.  Trid tistabar u tistenna li tqiegħed żerriegħa tajba u trid tara li tipproteġiha biex tikber soda u dritta ‘l fuq.  Tieħu l-ħin tagħha, verament, u frottha jdum ma jingħata, imma meta trendi, it-tjubija hemm tkun.  Uħud jgħidu li tkun qed tkaxkar saqajk, tinki, toqgħod lura meta fir-realtà tkun qed tara x’inhu l-aħjar li għandu jsir.  Ħafna nies jiġru, persuni li jkunu reazzjonarji hekk jagħmlu u jispiċċaw jidhru li qed jimxu ‘l quddiem, mentri fir-realtà jkunu qed imorru passi lura. 

5.    Hemm diversi, elenku twil fl-istorja tal-bniedem, ta’ deċiżjonijiet li jiġu meħuda b’dan il-mod.  Servew biss sabiex saddew ħalq il-kritiċi li però, maż-żmien, urew ruħhom bħala inadegwati.  Il-verità dik hi.  It-triq biex isir proġett tajjeb, wieħed li jservi verament lill-bniedem, hija twila u diffiċli.  L-esperjenza politika llum anzi għallmitni li aktar ma jkun ser isir pass tajjeb għall-bniedem,  iktar jinqalgħu ntoppi u rwiefen.  Kritika inġusta ma tonqosx, gambetti anqas.  Aktar ma jqum il-maltemp, iktar tkun taf li dak li qed tagħmel ser iservi mhux biex jitkattar il-ħażen, imma jissoda s-sewwa.  Għażliet mhux faċli għall-politiku, però li jagħżlu bejn dawk li jmorru għaċ-ċapċip faċli jew dawk li jippreferu jgħaddu mill-manglu tat-tbatija biex iservu verament u mhux apparentement.

6.    Nikteb dan f’din il-Ġimgħa Mqaddsa li għalija għadha importanti.  Bdejtha bis-sodisfazzjon li nara ġabra ta’ persuni li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin itellgħu dramm bl-isem ta’ “Għotja”.  Ir-riformi li bdew isiru bl-Att u l-politika tagħna dwar il-Ġustizzja Riparatriċi bdew jagħtu l-frott tagħhom.  Ħadmu fiha b’impenn li huwa neċessarju sabiex bniedem jibdel ħajtu.  Mhux biżżejjed li ssakkar lin-nies ġewwa ċella, imma huwa importanti li tgħinhom jifhmu fejn żbaljaw u kif jistgħu jsiru persuni aħjar.  Il-kliem ta’ Fr Franco Fenech, kappillan tal-Faċilità kienu f’posthom meta qal: “Għalija huma mumenti speċjali ħafna, li fihom nagħraf kemm kull persuna għandha kwalitajiet li mhux dejjem kellha x-xorti li jkollha ambjent tajjeb u adegwat biex tiżviluppahom.  Imma meta l-persuna ssib ambjent li jgħinha ħalli tiskopri u tiżviluppa dawn il-kwalitajiet, allura tkun lesta timpenja ruħha u tagħmel kull sagrifiċċju biex tikber.”  Il-produzzjoni ta’ dan id-dramm tat opportunità lil xi wħud mill-priġunieri biex jiskopru xi ħaġa ġdida fihom infushom, tant li huma stess kienu sorpriżi bil-“prodott”.  Il-paċenzja, is-sabar, kienu l-linji li ggwidawna sabiex fid-diskors żejjed li sar f’dawn ix-xhur, il-miżuri tal-ġustizzja riparatriċi mhux tkissru kif riedhom ħaddieħor, imma qed jibdew jagħtu l-frott it-tajjeb.  Għal dan aħna nibqgħu naħdmu u nimpenjaw ruħna.  Mill-qalb nawgura l-Għid it-Tajjeb lil kulħadd.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...