22.12.11

Għaddew tletin sena

1.    Ma rrid inweġġa’ lil ħadd, imma xtaqt sempliċement inressaq għar-riflessjoni ftit punti.  Konsiderazzjonijiet li jitwieldu minn rikorrenza, anniversarju, sejjaħlu li trid, li għadda mingħajr ma ġie mfakkar.  Fit-12 ta’ Diċembru 1981 kien hemm elezzjoni ġenerali li r-riżultat tagħha serva f’diversi effetti li qasmu, u f’ċertu sens għadhom sal-ġurnata tal-lum, jaqsmu lis-soċjetà Maltija.  F’dik l-elezzjoni, bis-sistema elettorali li kellna, rajna dak li kien qiegħed jiġi previst li jseħħ mingħajr ma ħadd fehem sewwasew il-portata ta’ dak ir-riżultat.

2.    F’dak il-jum, it-tibdil politikament organizzat tad-distretti elettorali, ġieb il-konsegwenza li l-partiti ġiebu siġġijiet parlamentari li ma rriflettewx il-vot popolari.  Il-Partit Nazzjonalista, mmexxi għall-ewwel darba mill-Kap il-ġdid tiegħu Eddie Fenech Adami, kien ġieb 114,113 voti, rappreżentanti 50.9% però kellu 31 siġġu – li kienu jirriflettu 48.5%.  Il-Partit Laburista ġieb 109,990 vot, jiġifieri 49.1% u minflok 34 siġġu, li kienu jammontaw għal 51.5%.  Il-kobba kienet imħabbla minn qabel.  Minkejja d-diversi protesti li kien hemm mill-Oppożizzjoni, il-Gvern baqa’ ma tax widen.  Kollox seta’ jiġi solvut, biss kien hemm wisq ostinazzjoni.

3.    Ir-ras iebsa kienet f’żewġ mumenti. L-ewwel, qabel l-elezzjoni ġenerali fejn il-Partit Nazzjonalista kien diġà pprova jibdel l-affarijiet għal riżultat elettorali ġust, però la l-Kummissjoni Elettorali u wisq inqas il-Gvern ma semgħu.  Kieku d-distretti kienu allinejati aħjar dak ir-riżultat ma kienx iseħħ.  It-tieni, wara l-elezzjoni ġenerali.  Hemm il-pożizzjoni ma kinetx irreversibbli.  Kieku l-Partit Laburista għaraf dak li seħħ, ikkoreġa d-distretti u reġa’ mar għall-elezzjoni, l-pożizzjoni kienet tkun differenti.  Differenti f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel, fit-tħaddim korrett tad-demokrazija u għalhekk li stajna naħirbu minn dak kollu li seħħ wara; u t-tieni, li nemmen li kieku reġgħet saret l-elezzjoni, l-Partit Laburista kien ikollu opportunità ikbar li jieħu lura l-poter b’mod leġittimu.

4.    Id-deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu kkumplikaw, u flok waqfu, komplew iktar ħabblu l-kobba waħda u sew.  Il-konsegwenza kienet ċara u ovvja.  Il-Partit Nazzjonalista ma kellu ebda alternattiva ħlief li jaħdem sabiex il-maġġoranza popolari tiġi trasformata f’waħda parlamentari.  Is-snin ta’ wara, mill-1981 sal-1987 - ħames snin u ħames xhur ta’ leġislatura – kienu l-ikreh fl-istorja demokratika tagħna.  Ħadd ma jista’ b’xi mod jiċħad li kien żball politiku kbir li ġie kommess mill-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien.  Ħadd ma jista’ jgħid li l-affarijiet marru għall-aħjar għax marru verament għall-agħar.

5.    Dawk iż-żminijiet issarrfu f’dell politiku li l-Partit Laburista baqa’ jġorr miegħu.  Diversi persuni jaraw lil dak il-partit bħala wieħed li għandu passat fejn ma tantx kien demokratiku fl-aġir tiegħu.  Ma jafdawhx proprju għax raw, u terġa’ wħud għadhom jaraw, dan l-element preżenti.  Il-ħsara lill-Partit Laburista u lill-pajjiż, f’ħafna sens dehret irreparabbli.  Għax il-pajjiż, quddiem dan l-eżempju żbaljat u quddiem id-diffikultajiet evidenti li ħarġu, ma kienx qiegħed javvanza, la soċjalment u wisq u wisq inqas ekonomikament.  Dawk is-snin hemm bżonn li jkun hemm trapass ikbar tal-eventi biex jintesew mill-memorja kollettiva.

6.    Dan għax dawk is-snin wasslu għal konflitti politiċi kbar.  Mobilizzazzjoni popolari kostanti li wasslet lil diversi familji jinqasmu, in-nies jiġu identifikati u jbatu.  Kienu jiem meta l-libertà tal-espressjoni kienet impossibbli.  Nies jibżgħu jitkellmu, jibżgħu jixtru l-gazzetti, jibżgħu jieħdu sehem u jridu jgħixu ma’ dak li ma jridux.  Sfortunatament tgħaddi minn dawk il-mumenti, jibqgħu miegħek u tibqa’ ġġorrhom.  Il-pajjiż kien viċin dittatura, kien viċin reġimi komunisti varji, kien qiegħed ma’ kull ġurnata jibża’ li l-folja ma setgħetx tinbidel.  Kemm kien hemm sitwazzjonijiet iebsa u tal-biża’ jgħarfu dawk li ġarrbu u dawk li għexu dawk iż-żminijiet.

7.    Għaddew verament tletin sena u hemm dejjem lok ta’ riflessjoni politika.  Importanti żgur li s-sistema demokratika tagħna tibqa’, kif inhija llum, aċċettata bħala valur li m’għandniex innaqqsu milli nkabbru.  Il-mekkaniżmi li daħħal il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern qed jassiguraw sitwazzjoni li hija diffiċli li mmorru lura minnha.  Biss, il-lezzjoni prinċipali tibqa’ dik li min qiegħed fil-poter għandu jkollu ġewwa fih mhux biss is-sens imma l-konvinzjoni li li d-demokrazija hija għodda indispensabbli.  Dan huwa d-dmir ta’ kull partit politiku f’pajjiżna – li jżomm u jassigura sabiex dan il-poplu jibqa’ javvanza.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...