23.11.11

Appell lill-poplu Malti

It-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija għandu jitfakkar.  Għandna verament niftakru f’dawk li tilfu ħajjithom f’konflitt mondjali li farrak l-Ewropa.  Miljuni mietu, daqshekk ieħor indifnu.  Iċ-ċimiterji mtlew, oħrajn twaqqfu.  Wara dawn is-snin, tajjeb nagħmlu li nieqfu u naraw x’lezzjonijiet għandna nieħdu.  Naraw dak li għandna naħarbu u ma nirrepetux.  Il-gwerra ma ssolvix problemi, imma tikkumplikahom.  Id-dinja tikber biss fil-paċi u fil-ġustizzja.

Wara u qabel tmiem dak il-konflitt, f’numru ta’ pajjiżi qamu movimenti sabiex jinbnew strutturi kostituzzjonali differenti.  Dawn il-gżejjer, forsi ispirati direttament minn sejħa li saċerdot Sqalli, Don Luigi Sturzo (ritratt) għamel għal persuni liberi u b’saħħithom, fit-23 ta’ Novembru 1918 patrijott Malti għamel sejħa ġdida.  Appell lill-poplu Malti biex tkun iffurmata “Assemblea Nazzjonali”.  Sir Filippo Sciberras, tabib fit-tmienja u sittin sena tiegħu, matur, ta’ karattru ffurmat, onest u magħruf għall-atti ta’ karità mal-fqar, mexxa u stieden rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jinġabru f’din l-Assemblea Nazzjonali.  Kien proprju fit-tieni laqgħa tas-7 ta’ Ġunju 1919, taħt il-Presidenza tiegħu, li sab lilu nnifsu fiċ-ċentru ta’ mument storku li kull sena bqajna nfakkru – is-“Sette Giugno”.

Wirt Filippo Sciberras huwa kbir.  Illum, tlieta u disgħin sena wara għandna nibqgħu niftakru li d-demokrazija li ngawdu llum ġiet bis-sagrifiċċji ta’ diversi patrijotti intelliġenti, bil-għaqal u kapaċi.  Nassiguraw li ma nitilfuhiex imma nkomplu nżommuha u nissudawha.

No comments:

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI – SIĠAR TAĊ-ĊITRU

17508. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-m...