24.5.11

Kumplikazzjonijiet politiċi attwali

1.    Diversi drabi, persuni f’dawn il-gżejjer isibuni u jqabblu ż-żminijiet tal-lum ma’ dawk passati.  Oħrajn jaraw l-eventi preżenti u jmorru lura sabiex iqabblu.  Għandhom ħafna raġun jagħmlu dan.  Meta wieħed jikkunsidra minn liema ilmijiet imqallba qed ngħixu fihom, aktar u aktar japprezza kemm hemm x’jiġi mqabbel.  Il-kriżi li għaddejja fil-Libja, il-problemi u l-kumplikazzjonijiet fix-xenarju finanzjarju qegħdin jagħtu huma l-elementi prinċipali li qegħdin ibiddlu l-kurrenti.

2.    L-eventi tad-dinja jaf ikollhom effetti varji fuqna.  Uħud jiġu bil-mod, jidħlu fina u daqqa nindunaw u daqqa le, però jeffettwawna fil-pożittiv jew fin-negattiv.  Dawn jieħdu dimensjoni partikolari li mhux dejjem napprezzaw biżżejjed fil-ħajja tagħna.  Dan għax, f’ħafna mumenti nħarsu lejn dak li huwa immedjat.  Dak li fih naraw elementi li d-dinja tista’ taqa’ u allura jridu risposta mill-ewwel.  Il-bniedem hu li hu – imperfett.  Jieħu deċiżjonijiet kif jaf – mhux dejjem tajba, però żgur li mhux perfetti.

3.    Ngħidu x’ngħidu, irridu naċċettaw li dawn il-Gżejjer għaddew u għadhom għaddejjin minn mumenti li bihom il-ħajja fihom qegħda tinbidel.  Il-gwerra ċivili ġewwa l-Libja hija ta’ impatt direttissimu fuqna fil-livelli soċjali, ekonomiċi, kulturali u ta’ stabilità.  Għal dawn l-aħħar snin kellna xenarju li kien jindika paċi u stabilità li mis-17 ta’ Frar li għadda ma baqagħlniex iktar.  Il-pajjiż ġar tagħna, fejn baħar biss jifridna, daħal f’konflitt imdemmi intern li mhux ser ikun faċli għalih li joħroġ minnu.  Il-qtil ta’ Libjani minn Libjani oħra, sija fuq naħa kif ukoll fuq oħra, ma tantx ser jitfejjaq malajr.  Dawk li raw membri ta’ familthom jinqatlu m’humiex ser jinsew malajr.  Anqas, fuq in-naħa l-oħra, ma nistgħu naħsbu li meta parti tegħleb lill-oħra l-infrastruttura, l-ekonomija u t-turiżmu ser jergħu lura għan-normal malajr.

4.    L-ekonomija waqfet kompletament ġewwa l-Libja.  Il-pajjiż, bl-isparar fuq xulxin, tkisser.  Djar, stabbilimenti u moskej ġew distrutti u hemm bżonn li jerġgħu jiġu mibnija mill-ġdid.  Ikun xi jkun ir-riżultat finali, huwa ċar li l-moral, l-għaqda nazzjonali, kull forma ta’ patrijottiżmu ġew imkissra u mdgħajfa konsiderevolment.  Anke jekk fix-xhur li ġejjin terġa’ tibda tirrenja xi forma ta’ paċi u stabilità, xorta waħda l-pajjiż ser jieħu snin twal sabiex jerġa’ jibda jieħu lura l-potenzjal sħiħ tiegħu.  Dan lilna qiegħed u ser ikompli jeffettwana fid-dimensjonijiet sħaħ tal-ħajja normali tagħna.

5.    Il-Libja hija żgur ta’ nkwiet kbir.  Daqshekk ieħor huwa ta’ nkwiet dak li qiegħed kontinwament iseħħ fid-dinja tal-finanzi.  L-arrest u r-riżenja tal-President tal-International Monetary Fund (IMF) huwa biss l-aħħar xena minn din l-istorja li ma tridx tieqaf.  Id-dinja għaddejja minn diffikultajiet enormi.  Fil-Mediterran stess, b’dak li qed naraw ġewwa l-Greċja u l-Portugall, jindikaw kemm il-katina ekonomika teffettwa naħa u oħra tal-globu.  Iktar ma l-ekonomija dinjija ddum biex tiġi lura fuq saqajha, iktar se nittardjaw biex nerġgħu naraw tkabbir li jagħmel il-ġid.  Tkabbir li jirnexxilu jkun xprun ta’ bidliet soċjali li permezz tagħhom iktar bnedmin jgħixu fid-dinjità, ‘l bogħod mill-faqar u l-miżerja li għadhom jgħixu fihom.

6.    Dawn huma żewġ fatturi kbar li għandna quddiemna u rridu naffrontaw kontinwament u immedjatament.  Il-mewġ huwa qawwi, u għalkemm huwa minnu li għandna l-ankra politika u ekonomika tal-Unjoni Ewropea, xorta trid kaptan tajjeb biex imexxi.  Il-kurrenti qegħdin verament jinbidlu, jikbru u jitolbu tweġibiet.  F’dawn it-tlett snin, il-poplu għandu quddiemu prova ċara li l-Prim MInistru Lawrence Gonzi kien kapaċi jaffronta, jikkonfronta u jmexxi ‘l quddiem kontra dawn l-eventi.  Il-pajjiż għandu mument ta’ taqlib soċjali u ekonomiku kbir quddiemu.  Fortunatament quddiem dawn il-kumplikazzjonijiet politiċi attwali għandna persuna kapaċi.  Bniedem ta’ kalibru, stabilità, viżjoni u valur li jkomplu jassiguraw il-paċi u l-istabilità tagħna biex inkomplu niżviluppaw fit-tajjeb.


Dan l-artikolu deher fil-ħarġa ta' Il-Mument ta' nhar il-Ħadd

No comments: