24.3.11

It-taqlib mondjali

1.    Żgur mhux forsi, l-eventi li bdew dawn l-ewwel xhur ta’ din is-sena ser ikollhom l-effetti tagħhom.  Għall-mument huma parti minn spettaklu traġiku li qed naraw il-ħin kollu jiżviluppa quddiemna.  Dak li seħħ fil-Ġappun, u għadu għaddej sallum, ħa bix-xieraq l-attenzjoni prinċipali tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni.  Dak li ħalla warajh it-terremot u ftit wara l-mewġ li b’saħħa u qawwa biddel il-pajjiż ta’ taħt fuq.

2.    Il-Ġappun għaddej minn sitwazzjoni xejn faċli u ma hemmx dubju li t-taqbil li qiegħed isir mal-attakk atomiku li batew f’Hiroshima u Nagasaki huwa f’postu.  Għat-tieni darba, dawn il-gżejjer mimlija b’tant kultura u storja, qed jerġgħu jaraw devastazzjoni ta’ dimensjoni apokalittika umana.  Meta jitneħħa t-tifrik, meta jinġabru l-persuni li sfortunatament tilfu ħajjithom ser insibu numri ferm akbar milli qegħdin naħsbu.  Traġedja mill-ikreħ li ser nibqgħu nitkellmu fuqha għas-snin li ġejjin.

3.    Quddiem tant devastazzjoni rrid ngħid li dan il-poplu rebaħ l-istima ta’ diversi għall-mod eżemplari ta’ kif qed iġib ruħu.  Bnedmin li raw ħafna ma’ wiċċhom iżda li affrontaw kollox b’kuraġġ storiku.  Quddiem tant ħerba u tkissir, ħafna żammew saqajhom mal-art, isegwu u jippruvaw jieħdu d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom ġew salvati diversi bnedmin.  Mhux biss, iżda jidher ċar diġà li beda l-proċess ta’ rikostruzzjoni, verament mhux faċli tenut kont tal-impatt u d-devastazzjoni li hemm.

4.    Il-problemi li dan it-terremot daqshekk qawwi ħolqilhom nafuhom, u nafu wkoll li ser isibu diffikultajiet kbar sabiex jerġgħu jiġu fuq saqajhom.  Il-kwistjoni tal-impjanti nukleari hija kumplikazzjoni ferm u ferm iktar qawwija minn dak li konna qegħdin naraw inizjalment.  Jidher ċar li l-muturi enerġetiċi li żammew għal dan il-perjodu modern, li ggarantew l-iżvilupp ekonomiku qawwi li l-Ġappun ra wara t-Tieni Gwerra, fallew kompletament.  Mhux biss intlaqtu, waqfu jaħdmu, imma issa wkoll qegħdin jirriskjaw serjament saħħet l-istess ċittadini.  Raġuni oħra ta’ gravità ikbar.

5.    Il-pajjiż laqqat daqqa enormi li, żgur mhux forsi, ser taffettwalu l-iżvilupp tiegħu kompletament.  Id-dipendenza nukleari ser ikollha tiġi drastikament mibdula, ma hemmx dubju.  Ir-riskji ta’ din il-katastrofi huma evidenti, dawk tal-futur ser ikunu ferm iktar qawwija.  Ma naħsibx li l-gvern attwali, li evidentement ġiet fuqu din il-pożizzjoni u dan proprju wara snin twal fl-oppożizzjoni, qiegħed iħares lejn li jħalli l-affarijiet kif inhuma.  Kemm hemm l-abbiltà politika li terġa’ tqiegħed ir-ritmu rridu naraw.  Nafu biss li jekk ma ssirx, ikun hemm kaos ikbar.

6.    Proprju Naoto Kan, il-Prim Ministru tal-Partit Demokratiku tal-Ġappun (DPJ) li daħal fil-poter wara snin twal tal-Partit Liberal Demokratiku, jaf li dan it-terremot ser jixħtu kompletament lura ekonomikament u fuq quddiem sabiex jipprovdi tweġibiet. Illum nafu li dan il-pajjiż ser jgħaddu minn fuqu snin twal sabiex jerġa’ jieħu r-ruħ.  Dak li kien qabel, issa ser ikollu jinbidel u dan b’impatti varji.  Jaf li l-Ġappun mhux ser jibqa’ fost il-pajjiżi l-iktar żviluppati, u dan ser jeffettwa l-ekonomija tar-reġjun u mondjali.  Aħna wkoll ser inħossu din l-iskossjatura, sija direttament, kif ukoll indirettament.  Nittama li l-proċess sabiex il-Ġappun jerġa’ jiġi lura fuq saqajh isir bis-solidarjetà tagħna lkoll.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...