14.3.11

Il-vjolenza għaddejja

1.    L-eventi ta’ dawn l-aħħar tlett ġimgħat sarrfu fi gwerra ċivili bejn bnedmin li jgħixu f’din l-art ta’ taħtna.  Il-ġlied, il-konflitti, il-qtil ta’ diversi għaddej ma’ kull jum f’passaġġ twil ta’ vjolenza li, aktar ma jmur, aktar qed jikkomplika ruħu.  Għalkemm insegwu dak li huwa għaddej minn fuq il-mezzi varji tax-xandir internazzjonali qisu xi parti minn xi serje twila ta’ programm, fir-realtà hemm traġedja umana qegħda sseħħ.  Il-persuni qed jisparaw u joqtlu lil xulxin, m’humhiex ser iqumu wara imma jindifnu.

2.    Il-ġlied bejn il-bnedmin jitwieled mill-mibgħeda.  Rabja għal xulxin li, ġaladarba tiżvoga fil-ġlied estern bi sparar, ħruxijiet u b’atti varji ta’ disprezz ma terġax iġġibha f’postha.  Bħalissa qed nassistu għal tixrid ikbar ta’ mibgħeda li jidher ċar li kienet ilha tinġabar is-snin, li però issa ħarġet kompletament barra.  Ix-xeni f’dawn il-jiem ta’ kumbattimenti intensivi, ta’ postijiet imfarrka b’marki ta’ artillerija, bombi u sparar qegħdin joħorġu sabiex juru rebħa ta’ naħa fuq oħra, imma fil-verità huma evidenza ħajja ta’ dak li qiegħed iseħħ u li aħna ma nifhmuhx biżżejjed.

3.    Is-soluzzjonijiet għal dawn il-konflitti ma jiġux faċli, dejjem jekk wieħed jista’ jitkellem fuq soluzzjoni.  Il-partijiet huma tant għal għonq xulxin li jekk ma jieqfux mill-ġlied, ma tkun tista’ qatt iġġibhom madwar mejda ta’ diskussjoni jew medjazzjoni.  Anzi, mill-analiżi li qegħda ssir il-ħin kollu, jidher li kull naħa daħħlitha f’rasha li tista’ tgħix billi telimina lill-avversarju fil-kamp tal-battalja.  Il-Libjani min-naħa ta’ Bengazi u dawk fuq in-naħa l-oħra ta’ Tripli għandhom diġà f’moħħhom li ser ikun impossibbli li xi ħadd minnhom jgħix taħt l-ieħor.  Jekk tirbaħ naħa telimina lill-oħra, ma hemmx dubju, u dan twettqu sistematikament.

4.    Min qiegħed fil-kamp tal-battalja jaf li qabad triq li kważi huwa mpossibbli li jerġa’ lura minnha.  Dan ifisser iktar ħruxijiet, iktar determinazzjoni ta’ naħa jew oħra sabiex ma ċċedix.  Ngħid żgur u mhux forsi li dawn it-tlett ġimgħat sarrfu f’rigress kbir għall-ekonomija, għall-ħajja soċjali u politika tal-pajjiż.  Il-miżerja li qiegħed jinżel fiha jrid sforzi kbar sabiex jerġa’ joħroġ minnha, u dan nafuh mill-esperjenza ta’ kull konflitt qawwi li jsir bl-armamenti moderni tal-lum.  Diġà t-Tieni Gwerra Dijija ħalliet, u għadha sal-ġurnata tal-lum tħalli effetti negattivi varji ta’ dawk l-atroċitajiet li saru 'l fuq minn sittin sena ilu, aħseb u ara dawn.

5.    Id-dinja, il-komunità ta’ pajjiżi fil-Ġnus Magħquda, jridu jirreaġixxu għal dan, però kulħadd japprezza li m’huwa xejn faċli li ssib is-soluzzjonijiet mingħajr ma tispiċċa hija wkoll parti minn din il-vjolenza.  Id-diskussjonijiet militari jagħtu soluzzjonijiet ta’ ġlied, sparar u konflitti u huwa diffiċli jsibu toroq differenti.  Żona fil-Libja li fuqha ma jistgħux itiru l-ajruplani ma tissarrafx bix-xejn, imma b’interventi militari mill-ajru.  Ir-riżultat ser ikun, żgur mhux forsi, komplikazzjonijiet oħra, iktar mewt, iktar tbatija, involviment xejn faċli għal dinja mimlija feriti u problemi varji.

6.    Bħala bnedmin jista’ jkollna minn fostna li jimmaġina li l-vjolenza tista’ titwaqqaf bil-vjolenza, però x-xenarju hawn ma tistax tipprevedih.  Għalhekk, diversi Stati li narawhom bħala parti mill-forza tal-ordni mondjali qegħdin joqogħdu lura.  Dak li qiegħed jiżviluppa fil-Libja huwa parti sħiħa minn tastieri varji li ma jidhirx li għax-xhur li ġejjin ser joqogħdu lura u ma jiċċaqilqux.  Ebda Stat waħdu m’għandu s-saħħa militari u ekonomika biex jindaħal f’kull konflitt, f’kull kriżi, iktar u iktar meta l-prezzijiet taż-żejt u ċ-ċereali ndikati fil-passat riċenti jitilgħu jiġru 'l fuq f’temp ta’ ftit siegħat.

7.    Il-vjolenza li għaddejja, id-diżastri naturali li qegħdin issa naraw fil-Ġappun, il-kriżi ekonomika mondjali, jekk ma jinħadmux b’attenzjoni jkunu l-bidu ta’ anarkija qawwija.  Dak li nafu llum jaf jispiċċa f’daqqa, bħal ma rajna meta waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin u kif qed naraw fid-dinja Għarbija, u għalhekk wieħed jista’ jifhem il-kawtela tal-pajjiżi li, fil-passat, jafu x’ħallsu u x’qed iħallsu għall-intervent tagħhom.  X’ser jiġri fl-aħħar tal-ġurnata fil-konflitt li qed isir taħtna ser juruhulna l-jiem li ġejjin.  Żgur mhux forsi, il-vjolenza ħarxa u qawwija li għaddejja ser ikollha biss effetti u impatti negattivi għall-poplu Libjan u għall-pajjiżi tal-Mediterran.

Dan l-artikolu deher fil-ħarġa ta' Il-Mument tat-13 ta' Marzu 2011.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...