29.7.09

IL COLORE DEL SOLE

1. Ma nkunx żbaljat ngħid li Andrea Camilleri, il-kittieb Sqalli, rnexxielu jżomm tradizzjoni li dik il-gżira ilha tara. Luigi Pirandello, Giovanni Verga, Leonardo Sciascia huma fost l-ismijiet li l-letteratura Taljana u mondjali taf tajjeb. Hallew warajhom kitba mill-isbaħ, sija fil-mod ta’ kif irnexxielhom jużaw il-kelma sabiex jesponu ċar ħsibijiethom, kif ukoll fil-proġett sħiħ li ktieb jagħti. Ftit huma dawk li qraw kitbiethom mingħajr ma baqgħu mmarkati fil-mod ta’ kif iħarsu lejn il-ħajja. Tibqa’ tiftakar xi qrajt anke jekk jgħaddu s-snin minn fuqek.

2. Għal dawk li għadhom ma nxteħtux jaqraw, nistedinhom mill-qalb sabiex jidħlu għal dan il-proċess mentali u kulturali. Hemm x’tifhem sija f’dak li huma l-ġirien tagħna, però hemm ukoll id-dimensjoni tal-effett li huma kellhom fuqna. Aħna m’aħniex maqtugħa mid-dinja tal-qari u l-kitba t-tajba anzi għandha sens qawwi ta’ dak li huwa ta’ valur u dak li m’huwiex. Biss irrid nirreġistra li l-maġġoranza tagħna fuq dawn il-gżejjer ma jarawx li huwa bżonn, parti mill-element vitali li jagħmlek persuna umana, li wieħed jaqra.

3. Hemm il-perċezzjoni li l-qari qiegħed hemm għal dawk li għandhom il-ħin x’jaħlu jew għal dawk li huma għorrief, għax huma biss jistgħu jifhmu l-kotba. Ma hemmx dubju li ebda ktieb ma huwa neċessarjament faċli sabiex tifhem il-kontenut tiegħu. Hemm dawk ċari u hemm dawk l-ikkumplikati. Dan ma jfissirx, madanakollu, li m’għandniex nagħrfu l-istat tal-affarijiet u naġixxu l-kontra. Għandna nwasslu l-bżonn li nifhmu kemm huwa faċli taqra u kemm dan jagħmillek ġid.

4. Naħseb li ftit huma dawk li jafu bil-kittieb li bdejt dan l-artikolu bih. Andrea Camilleri għandu llum warajh numru nteressanti ta’ kotba. Kotba li huma faċilment maqsuma f’żewġ kategoriji, dawk li huma marbuta mal-Kummissarju Montalbano, il-persunaġġ li jsolvi l-każijiet ta’ omiċidji, serq ġewwa l-gżira ta’ Sqallija u dak li huwa opri ta’ inġenwità. Montalbano m’għandux bżonn ta’ ħafna introduzzjoni għal dawk li jsegwu l-mezzi tax-xandir Taljan. Dan għax il-kotba marbuta miegħu minn “Un mese con Montalbano” sa “La Paura di Montalbano” sabu ruħhom programmi f’sensiela li ma hemmx li tieqaf issaħħar lil min isegwi każijiet bħal dawn.

5. Is-sabiħ ta’ Camilleri huwa proprju l-fatt li huwa kapaċi jittrasmetti l-ħsieb tiegħu b’sempliċità kbira. Il-kitba mhix direttament komplikata, hija l-istorja li tkun hekk, imma tant huwa faċli sabiex tifhem dak li jkun għaddej li tinħakem faċilment fih. Għandu tnejn minnhom, wieħed “La Scomparsa di Patò” u l-ieħor “La concessione telefonica” li jaħkmuk u wara jħalluk togħmod tajjeb storja inġenjuża u frott ta’ moħħ komplikat Sqalli li jittrasmetti ruħu b’mod ċar kristall. Nistedinkom taqrawhom għax huma verament sbieħ u ma jiddispjaċikomx.

6. Ħadt pjaċir reċentement insib għall-bejgħ, waqt li kont ser naqbad ajruplan minn Zurich, wieħed mill-aħħar kotba ta’ Camilleri bl-isem ta’ “Il colore del Sole”. Dan il-librett jagħmlilna l-ġieħ għax jorbot lil pajjiżna u Sqallija mal-pittur famuż Caravaggio. Ix-xenarju huwa mill-isbaħ, marbut mas-sejba misterjuża ta’ karteġġ mill-pinna ta’ Caravaggio, miktub b’sempliċità kbira. Huwa jirnexxilu jinseġ storja fl-istorja. Fir-realtà huwa riklam kbir għal pajjiżna, sija fil-kitba kif ukoll fir-ritratti ta’ numru ta’ pitturi tal-Caravaggio. Kull min jaqra dan il-ktieb ser isib lilu nnifsu maħkum mill-kurżità li jiġi jarahom b’għajnejh stess.

7. Ma nafx jekk dan il-kittieb ġiex ġewwa dawn il-gżejjer, almenu mhux uffiċjalment. Jista’ jagħmel sens li jinġieb hawn sabiex dan il-ktejjeb jingħata aktar importanza fuq naħa, u fuq l-oħra wieħed jagħti l-opportunità lid-diversi studenti li qed jaqraw kitbietu li jiltaqgħu miegħu. Illum bid-dinja tal-komunikazzjoni daqshekk miftuha ma għandux ikun daqshekk diffiċli sabiex jinġieb. Anzi, hemm numru ikbar ta’ awturi fid-dinja li anqas huma ma jkun żbaljat li jiġu. Jinġiebu hawn, f’dawn il-gżejjer fejn hemm preżenti “Il Colore del Sole” sabiex jiġu apprezzati.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum nhar il-Ħadd 26 ta’ Lulju 2009.

1 comment:

RNCassar said...

L-ewwel nett onorevoli, nixtieq ngħidlek prosit tal-blog tiegħek, vera interesanti. Qieghed inħallilek kumment hawn għax Camilleri huwa wieħed mill-kitieba favuriti tiegħi, ħasra li ftit żgħażagħ bħali jafu bih. Grazzi għal missieri d-dar għandna kollezjoni sħiħa ta dawn l-awtur, fil-fatt dawn il-kotba jiġu Malta imma f'numru żghajr, li tried tinzerthom biex tixtrijhom. Nixtieq inżied li Camilleri jireferi għal xi Maltin fil-ktieb 'Un Filo di Fumo', ktieb li nirakomandah.

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...